Il-ħaddiema tal-Air Malta ma jibqgħux sospiżi; kollox sar skont ir-regoli – One News

Notifiki

Il-ħaddiema tal-Air Malta ma jibqgħux sospiżi; kollox sar skont ir-regoli

18.15 – Wara li l-linja nazzjonali tal-ajru Air Malta issospendiet numru ta’ membri tal-ekwipaġġ wara filmat li tpoġġa onlajn, spjegat li l-artiklu tal-Malta Independent ta l-impressjoni li fuq it-titjira bejn Milan u Malta kien hemm ksur fir-regoli ta’ sigurtà mill-membri tal-ekwipaġġ tal-Air Malta.

Wara li deher dan il-filmat fil-midja soċjali, t-tmexxija tal-Air Malta stqarret li ħasset l-obbligu li tinvestiga u li tissospendi temporanjament lil cabin crew abbord din it-titjira. B’rabta ma’ dan l-Air Malta għamlet investigazzjoni li tmexxiet mic-Chief Officer Flight Operations, mill-Kaptan Alex Muscat u mic-Chief Officer Human Resources, Roberto Cristiano.

Mill-investigazzjoni ħareġ li l-cabin crew intalbu mill-kumpanija stess biex jippreżentaw kejk lill-passiġġier abbord it-titjira li kellhu għeluq sninu u li l-ħaddiema osservaw il-proċeduri kollha stabbiliti mill-linja tal-ajru. Mill-investigazzjoni ħareġ li fl-ebda punt tat-titjira, l-passiġġiera għamlu użu mill-PA system tal-ajruplan biex jiċċelebraw ma’ sħabhom.

Dan ifisser, li l-investigazzjoni kkonkludiet li l-membri tal-ekwipaġġ osservaw ir-regoli ta’ sigurtà u għalhekk m’għadhomx sospiżi.

Aktar qabel: Il-linja nazzjonali tal-ajru Air Malta issospendiet numru ta’ membri tal-ekwipaġġ wara filmat li tpoġġa onlajn, li fi kliem l-Air Malta fih jidher nuqqas ta’ professjonaliżmu waqt it-titjira kif ukoll ksur ta’ regoli.

F’dan il-filmat allegatament jidhru numru ta’ passiġġieri jagħmlu użu mill-PA li tintuża fuq l-ajruplan, biex ikantaw Happy Birthday fuq it-titjira tal-Ħadd bejn Milan u Malta.

Il-linja tal-ajru spjegat li r-regoli stabbiliti għandhom dejjem jiġu osservati minkejja li l-ħaddiema dejjem jagħmlu mill-aħjar biex il-passiġġiera jingħataw l-aqwa servizz u jkollhom titjira memorabbli. L-Air Malta qalet li matul dawn l-aħħar 40 sena, dejjem assigurat li s-saħħa u s-sigurtà jittieħdu bis-serjetà.

Dawn il-ħaddiema se jkunu sospiżi sakemm isiru l-investigazzjonijiet.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend