Il-Prim Ministru f'laqgħa mal-Prim Ministru tar-Renju Unit | One News

Notifiki

Il-Prim Ministru f’laqgħa mal-Prim Ministru tar-Renju Unit

Il-Prim Ministru Joseph Muscat illum kellu laqgħa mal-Prim Ministru tar-Renju Unit Theresa May f’Westminster Abbey.

Il-laqgħa ffukat fuq ir-relazzjonijiet bejn Malta u r-Renju Unit fid-dawl ta’ Brexit, kif ukoll fuq il-passi li jmiss għar-Renju Unit wara li jiġi skattat Artiklu 50 tat-Trattat ta’ Lisbona li bih ikun jista’ jinbeda l-proċess biex r-Renju Unit toħroġ mill-Unjoni Ewropea.

Il-Prim Ministru saħaq li Malta, fl-irwol tagħha fil-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, se tkun sieħeb onest biex tara li d-diskussjonijiet jitmexxew fl-aħjar interess ta’ kulħadd. Huwa saħaq li l-Unjoni Ewropea mhijiex se tkun qed toħloq ostakli, madankollu huwa ovju li r-relazzjoni bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea trid tkun waħda fuq il-linji ta’ relazzjoni li l-Unjoni għandha ma’ pajjiżi terzi.

Mil-lat bilaterali, il-Prim Ministru saħaq li Malta se tibqa’ żżomm l-aqwa relazzjonijiet possibbli mar-Renju Unit kif dejjem kellha matul is-snin. Il-Prim Ministru, fil-vesti tiegħu bħala President tal-Commonwealth, minħabba li Malta għandha l-Presidenza sedenti, jinsab fuq żjara uffiċjali fir-Renju Unit.

Ftit tal-minuti ilu indirizza l-funzjoni tradizzjonali li ssir Westminster Abbey fil-preżenza tal-familja Rjali fl-okkażjoni tal-ġurnata li tfakkar il-Commonwealth.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend