Il-liġi ċara; kelb gwida għandu jitħalla jidħol dejjem – One News

Notifiki

Il-liġi ċara; kelb gwida għandu jitħalla jidħol dejjem

Dalgħodu, one.com.mt irrapporta kif Samuel Farrugia u l-ħabib tiegħu ma tħallewx jidħlu f’numru ta’ restoranti għaliex ma jaċċettawx li fl-istabbilimenti tagħhom jidħlu klieb gwida.

Dwar dan tkellimna mal-Kummissarju għad-Drittijiet ta’ Persuni b’diżabilità, Oliver Scicluna, li kkonferma li dawn ir-restoranti kisru l-liġi ta’ opportunitajiet indaqs. Huwa spjega li din il-liġi tassigura li persuni b’diżabilità li għandhom bżonn is-servizz ta’ kelb gwida biex ikunu indipendenti għandhom dritt bil-liġi li jkunu akkumpanjati mill-kelb gwida tagħhom mhux biss f’postijiet pubbliċi iżda anke fi stabbilimenti.

Scicluna spjega li persuna li hija nieqsa mid-dawl u li għandha bżonn kelb gwida, meta tiġi miċħuda minn dan id-dritt għandha tressaq ilment kemm lill-Kummissjoni għal persuni b’diżabilità kif ukoll għandu jsir ilment lit-taqsima tal-liġi ta’ opportunitajiet indaqs fi ħdan il-Kummissjoni. Ladarba l-ilment isir, il-Kummisjoni tinvestiga l-każ u jsir kuntatt ma’ min ikun qed jikser il-liġi.

Huwa elenka dwar il-fatt, li kelb gwida huwa differenti minn klieb oħra. Dawn il-klieb jingħataw taħriġ estensiv u għalhekk spjega li meta dawn il-klieb se jidħlu f’restorant mhux se jkunu qed idejqu klijenti oħra. Oliver Scicluna appella biex dawn id-drittijiet jiġu mħarsa għaliex ninsabu fl-2017 u għad hemm min mhux qed jimplimenta din il-liġi.

Omm Samuel Farrugia, esprimiet id-diżappunt tagħha għal dan kollu. Hija fakkret li dawn in-nies jużaw kelb bħala gwida biex ikunu jistgħu jagħmlu l-affarijiet ta’ kuljum u jiddependu ħafna fuq is-servizz ta’ dan il-kelb. Hija spjegat li minkejja flimkien mal-ħabib tagħhom, pruvaw jikkonvinċu lill-ħaddiema tar-restorant xorta waħda sabu bieb magħluq.

Hija spjegatilhom li l-kelb kien huwa ta’ neċċessità għal persuni neqsin mid-dawl u li kelb gwida huwa l-vista ta’ dawn il-persuni. L-0mm qalet li persuni nieqsa mid-dawl huma normali ukoll u ddeskrivit li dawn l-affarijiet huma inaċċettabbli.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend