755 persuna iżommu f’buthom pensjoni li kienet itteħditilhom – One News

Notifiki

755 persuna iżommu f’buthom pensjoni li kienet itteħditilhom

  • Igawdu minn bidla tal-baġit 2015

Miżura li daħlet fil-baġit għas-sena 2015 u li għall-ewwel darba bdiet tħalli pensjoni sħiħa ta’ diżabbiltà lil persuni b’diżabbiltà li joħorġu jaħdmu, qed igawdu minnha 755 persuna li għalkemm qed jaqilgħu paga li hija iktar minn dik minima xorta waħda jibqgħu jieħdu l-benefiċċju li kellhom qabel.

Meta preżenta l-baġit ta’ sentejn ilu l-Ministru tal-Finanzi kien qal: “Se nwettqu l-wegħda elettorali li jekk persuna b’diżabbiltà ssib xogħol, xorta tibqa’ tieħu pensjoni sħiħa. Sal-lum, biex dan ikun il-każ, persuna b’diżabbiltà tista’ tasal biss sa paga minima. Aħna se nneħħu din ir-restrizzjoni għaliex id-diżabbiltà ma tisparixxix mal-paga.”

Fil-fatt din kienet waħda minn pakkett ta’ miżuri maħsuba biex persuni b’diżabbiltà jintegraw fid-dinja tax-xogħol. Li tkun infurzata l-liġi favur opportunitajiet indaqs kienet waħda minnhom, iżda bħal oqsma oħra l-Gvern ried jagħmilha li jaqbillek toħroġ taħdem. Din il-miżura tfisser li hawn ukoll il-Gvern ħalla eluf ta’ ewro fi bwiet il-familji.

Oliver Scicluna, li jmexxi l-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà qal li kien ilu jinħass il-bżonn ta’ rivoluzzjoni fejn jidħlu l-benefiċċji ta’ persuni b’diżabbiltà.

“Din kienet miżura oħra importanti li kompliet isaħħaħ il-pożizzjoni kuraġġjuża li ħa l-Gvern fejn inforza l-liġi tal-impjieg tal-persuni b’diżabbiltà, fejn trid tintlaħaq il-kwota ta’ persuni b’diżabbiltà f’postijiet tax-xogħol,” qal Scicluna li kkonferma li iktar persuni ħarġu jaħdmu.

“Kif ukoll saħħet lill-persuni li jirċievu dan il-benefiċċju f’dak li hu lat finanzjarju għax b’hekk dan il-benefiċċju seta’ jgħin fil-bżonnijiet addizzjonali li persuna b’diżabbiltà jista’ jkollha,” kompla Scicluna li tkellem favur iktar bidliet.

“Inħoss li l-bidla bdiet tkun identifikata wara diversi snin għalkemm nemmen li għad fadal sitwazzjonijiet li hemm bżonn jiġu riveduti fost l-oħrajn l-istess Att dwar il-Sigurtà Soċjali,” temm jgħid Scicluna

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend