L-ammonti ta' flus jiżdiedu u jiċċirkolaw fl-isport jitlobu governanza aħjar – Marlene Mizzi | One News

Notifiki

L-ammonti ta’ flus jiżdiedu u jiċċirkolaw fl-isport jitlobu governanza aħjar – Marlene Mizzi

Waqt id-dibattitu tal-EU Sport Forum dwar “prattiċi ta’ governanza tajba fl-isport Ewropew u l-wegħda tal-Kummissjoni Ewropea fuq l-organizzazzjonijiet tal-isport”, l-MPE Marlene Mizzi qalet li l-governanza ħażina tikkomprometti l-influwenza pożittiva tal-isport, speċjalment fuq iż-żgħar, għat-tixrid ta’ valuri soċjali.

L-MPE Marlene Mizzi kienet waħda mill-kelliema fl-EU Sport Forum 2017, li ttella’ fit-8 u d-9 ta’ Marzu f’Malta. Mizzi tkellmet dwar l-aktar rakkomandazzjonijiet kritiċi tal-governanza fir-rapport tal-Parlament Ewropew dwar approċċ integrat fil-politika dwar l-isport, b’attenzjoni partikolari fuq il-governanza tajba, l-aċċessibilità u l-integrità.

“Illum qegħdin nirrealizzaw li jekk irridu nippreżervaw l-isport kif nafuh, irridu niksbu mill-ġdid il-fiduċja tan-nies fil-valur pożittivi tiegħu, kemm jekk għal skopijiet ta’ rikreazzjoni, kif ukoll għal sport organizzat, każwali jew kompetittiv,” qalet Marlene Mizzi. “Iżda biex nagħmlu dan, irridu ntejbu l-governanza tajba fl-organizzazzjonijiet sportivi u neliminaw il-ksur tal-integrità fl-isport, li ta’ spiss hija marbuta mal-valuri li jġib miegħu l-isport, bħall-fair play, is-solidarjetà jew l-ispirtu ta’ tim.”

Filwaqt li rrikonoxxiet li l-isport jeħtieġlu tmexxija responsabbli u trasparenti, l-MPE Mizzi qalet li l-ammonti ta’ flus li dejjem qed jiżdiedu u jiċċirkolaw fis-settur tal-isport u fl-organizzazzjonijiet involuti, jitlob għal governanza aħjar.

Fir-rimarki tagħha, Marlene Mizzi qalet li “għalkemm il-leġiżlazzjoni versus l-awtonomija hija kwistjoni sensittiva, jekk l-organizzazzjonijiet tal-isport jemmnu li huma trasparenti u responsabbli, m’għandhomx isibu oġġezzjoni jekk il-leġiżlazzjoni tinvestiga l-awtonomija tagħhom.”

Bosta kelliema pparteċipaw fl-Isport Forum, fosthom il-Kummissarju Ewropew għall-Edukazzjoni, il-Kultura, iż-Żgħażagħ u l-Isport, Tibor Navracsics u s-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, iż-Żgħażagħ u l-Isport, Chris Agius.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend