Ir-radikaliżmu u l-kultura – kif wieħed jista’ jiġġieled lill-ieħor – One News

Notifiki

Ir-radikaliżmu u l-kultura – kif wieħed jista’ jiġġieled lill-ieħor

Dalgħodu il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Dr George W. Vella u l-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Dr Owen Bonnici fetħu l-Laqgħa Informali tal-Uffiċjali Għoljin fil-qasam tal-kultura, taħt l-awspiċi tal-Presidenza Maltija tal-Unjoni Ewropea. L-għanijiet ta’ din il-laqgħa huma li jsaħħu r-relazzjonijiet bejn il-pajjiżi fl-oqsma tal-Kultura u l-Patrimonju Storiku.

Il-Ministru Vella spjega li r-Repreżentanza Għolja tal-UE, Federica Mogherini, pubblikament ikkumentat dwar l-Istrateġija billi nnotat li l-kultura tista’ wkoll “tgħinna lkoll, fl-Ewropa, fl-Afrika, fil-Lvant Nofsani u l-Asja, biex flimkien niġġieldu ir-radikaliżmu u nibnu alleanza ta’ ċivilizzazzjonijiet kontra dawk li qed jipprovaw jifirduna.”

Il-Ministru qal li huwa jaqbel kompletament ma’ dak li qalet Mogherini, għax dan huwa l-ftehim reċiproku li jista’ jkollna ta’ xulxin u bejnietna, li jwassalna biex nieqfu għall-isfidi lejn l-identità u l-valuri li naqsmu.

Waqt l-intervent tiegħu, il-Ministru Bonniċi qal li fiż-żminijiet tal-lum qed niffaċċaw sfidi ġodda bħalma huma l-aħbarijiet foloz, ir-radikaliżmu, l-immigrazzjoni illegali u t-theddid ċibernetiku fost oħrajn. Emfasizza li d-diversità kulturali għandha sservi ta’ pont li jgħaqad l-istati kollha f’relazzjonijiet internazzjonali u għaldaqstant għandna nużawha biex nibnu soċjetajiet paċifiċi. Il-Ministru wera wkoll sobgħa għall-attakki fuq il-wirt kulturali li seħħu f’ħafna pajjiżi bħall-Iraq, is-Sirja u l-Afghanistan.

Il-Ministru Bonnici qal li “jekk ma naġixxux kontra l-qerda tal-patrimonju kulturali, iċ-ċittadini tagħna se jitilfu l-identità u l-valuri tagħhom.”

Għaldaqstant, Malta se tkun qiegħda twieġeb għal din il-qerda billi timxi fuq qafas li jiffoka fuq djalogi soċjo-ekonomiċi u interkulturali.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend