Il-kultura għat-turisti u s-saħħa għalina | One News

Notifiki

Il-kultura għat-turisti u s-saħħa għalina

Spiss u bix-xieraq nisimgħu diskors politku u nassistu għal skoss liġijiet imressqa mill-gvern fuq kemm tiswielna ta’ ġid 1) il-kultura – minn każini tal-baned sal-pastizzi  u 2) is-saħħa tal-poplu, minn tagħmir soffistikat, pilloli li jiswew l-aqwa Ewro (flok belli liri jkollna nsibu idjoma oħra) sa sptarijiet ġodda fiż-żewġ gżejjer tagħna li jħabbtuha mal-aqwa fl-Ewropa. Inbierku lil kull min iħabrek biex dan il-progress iseħħ fiż-żewġ oqsma sintendi mingħajr qatt ma ninsew l-ambjent li llum aktar minn qatt qabel jista’ jeffettwa kemm is-saħħa tagħna kif ukoll il-kultura popolari u dik għolja. Jekk ma tapprezzax xi ħaga u tibża’ għaliha, tisparixxi. Ħu mit-Tieqa tad-Dwejra!

Spiss ukoll jitfaċċaw proġetti fejn l-interess tat-turist ikun se jgħaffeġ interess akbar tal-ambjent li jwassal biex ukoll jhedded is-saħħa. Kienet f’postha u għaqlija ċ-ċaħda uffiċjali li jsir ħanut tat-tifkiriet fil-bajja Għawdxija tal-Ħondoq għax minn daqsxejn ta’ kamra fi xtajta ċkejkna (u liema mix-xtajtiet tagħna hi kbira?!) konna nispiċċaw biċ-ċilindri tal-gass ma’ xi kafetterija, kaxxa bil-ġeneratur għax-xarbiet friski, erba’ siġġijiet u għaliex le, ftit pultruni għax-xemx u parking organizzat b’daqsxejn ta’ latrina. Insomma ċentru ċiviku sħiħ fuq erba’ metri ta’ ramel u blat li fadal fid-daħla. Prosit lil min għaraf dan il-periklu u fuq kollox lill-kunsill li ħabrek u stinka biex jallarmana għal dar-riskju kbir.

Bidet nazzjonali f’Misraħ San Ġorġ

Xi drabi nitbissem flok insaffar meta nħares lejna l-Maltin. Għandna tip ta’ kultura li żgur ma għandhiex issib postha fil-lista tal-wirt globali. Din hi li nimlew kull toqba, rokna jew spazju li nafu bih.  Nibdew miż-żgħir li jrid ideffes xi ħaġa f’kull spazju ċkejken, imqar jekk tkun roundabout: boċoċ bojod bla grazzja, xi tmun ta’ xini, funtana goffa bla forma rilassanti, tiżjin u xi drabi xi siġra li tgħattilek il-veduta essenzjali tat-traffiku. Biex ma nsemmux l-imbarazz li jitfaċċa fi żmien il-Milied. Isbaħ minn ftit ħaxix u forsi xi ftit ilma jraxxex b’mod sempliċissimu ma jmurx. Ilha ġejja. Iċ-ċittadin iż-żgħir ġie mdorri wkoll jimla kull toqba fi knisja b’tiżjin li xi drabi tħossu qed jagħlaqlek il-bieb tal-ġenna (dan min qal li l-ġenna hi barrokka mimlija bil-linef?). U nispiċċaw fiċ-ċittadin il-kbir: misraħ San Ġorġ (dan meta se jsir Misraħ Malta, che centra San Ġorġ quddiem il-palazz tal-President?!). Sar sew li tħalla l-ispazju biex illum ingawdu aħjar il-monument tas-Sette Giugno fil-ġemb. Imma fil-fehma tiegħi mhux xi ħaġa ta’ distinzjoni li ħloqna bidet nazzjonali biex it-turisti jaħslu saqajhom, jekk ukoll mhux iżjed, fis-sajf. Dal-bidet, bl-ilma jispara ‘l fuq, tant ma jmurx hemm li tinnota l-ilma jitla’ biss meta ma jkun hemm xejn iżjed importanti jew attraenti fil-pjazza. Fi żmien il-kavallieri kellhom funtana sabiħa; illum tilfet xortiha fil-ġnien ta’ San Filippu Neri l-Furjana, imma fi żmienha kienet tmur mal-ambjent. L-Ingliżi ħassew li l-parati kbar riedu jsiru x’imkien b’mod uffiċjali u għalhekk naddfu l-pjazza. Aħna wżajniha għall-parking meta kiber in-numru tal-karozzi l-Belt. Illum nirringrazzjaw ‘l Alla ħlisna mill-parking minn ġo fiha imma fadlilna ħasil tal-ilma 24 siegħa kuljum quddiem l-arma tar-reġina tar-Renju Unit…forsi dak hu s-simbolu tal-bidet nazzjonali quddiem l-arma Ingliża: biex niftakru li l-memorja kollettiva tagħna u l-identità huma riżultat ta’ ħasil il-moħħ kontinwu għal kważi 200 sena!

Il-Malti mhux mhedded

F’dal-ġranet il-ministeru tal-kultura ippropona – u l-Kamra tar-Rappreżentanti qablet unanimament – li l-ilsien Malti u l-festa tar-raħal jiġu ddikjarati wirt globali mill-UNESCO. Mhawnx isbaħ minn dan il-ħsieb nobbli u nħeġġu li dan iseħħ malajr kemm jista’ jkun. Imma wara li ningħataw dan il-ġieħ ma rridux ninsewh u ma nibżgħux għalih. Ilsienna ilu jiġbed attenzjoni dan l-aħħar snin fuq il-barbariżmi (hekk kien sejjaħ lill-kliem Franċiż li kien dieħel fil-Malti fi żmien Vassalli lejn tmiem is-seklu 18) barranin li deħlin fil-Malti l-aktar mil-lingwa l-oħra tagħna l-Ingliż. Jalla bla piki u rjus iebsa nagħtu spazju lill-poplu jitkellem ilsienu b’libertà u bla mistħija.  Għamilna qabża kbira mis-snin sittin, fejn il-Malti kienu jgħajjruh ‘tal-kċina’; issa lingwa uffiċjali fl-Unjoni Ewropea. Ġenerazzjonijiet riċenti ħaqqhom prosit. Jien nemmen li lsien ta’ poplu li jużah (u aħna nużawh il-ħin kollu) ma jmutx. Dam ħaj xi 800 sena bla regoli, bla kitba, bla rumanzi, bla kotba grammatikali u b’theddid kontinwu tal-ilsna barranin ma’ saqajna. Mela nagħmlu kurraġġ: nitkellmu u niktbu Malti sabiħ.

Il-festa tar-raħal ħadniha mill-ġirien

Il-festa tar-raħal tagħna ma ngħidx li hi unika fil-Mediterran kif xi drabi nisimgħu. Aħna ħadniha biss biss minn Spanja, minn Sqallija u minn drawwiet li kkupjajna mill-Ordni tal-Kavallieri. Magħha rfinajna l-banda fuq stil Sqalli u tal-militar u n-Navy Ingliżi. Imma kif norganizzawha f’dan iċ-ċokon b’xi ħames jew iżjed festi fil-ġimgħa fis-sajf hi meravilja. Biex nibżgħu għaliha madankollu rridu nħarsuha mill-istorbju tad-disko bi speakers li jtarrxu jimpikaw mal-ħoss tradizzjonali tal-banda. Kulma jmur qed jiżdied. Jekk se nappilkaw għall-UNESCO, ma nagħtux permessi lil min irid jaljena dak li jista’ jfittex it-turist u l-Malti li japprezza tradizzjonijiet qodma iffurmati minna. Biex tiġbed iż-żġħażaġħ lejn il-festa ma ttihomx minn dak li ġa xebgħu minnu bil-lejl – alkoħol u storbju li jtarrax.

Not a high rise in sight!

Semmejt aktar ‘il fuq li għandna nibżgħu għal kull wirt mondjali fdat lilna. Għandna wkoll il-belt Valletta mħarsa mill-UNESCO madankollu xorta blajna Tigné Point b’għadd bla qies ta’ torrijiet li jħassru l-veduta u l-qrib. Ġa għandna wkoll permess formali (li qed jiġi sfidat) ta’ torri ta’ 40 sular Tiġné u ieħor jistenna daqsu. Apparti s-saħħa tar-residenti – jgħoddu eluf ta’ Maltin u barranin – li ilhom is-snin jissaportu atmosfera ta’ barriera kontinwa, apparti li t-toroq huma li huma, dojoq u qsar u apparti li dawn l-appartamenti, numru kbir minnhom, jinsabu ghall-bejgħ fuq il-miljun Ewro il-wieħed, qed nissugraw li rridu niġbdu t-turist lejn gżira li ftit ftit hemm ċans issir bħall-ambjent li t-turist urban ikun qed jaħrab minnu f’pajjiżu.

Il-Costa Brava hi gżira Mediterranja Spanjola. Ir-riklam tagħha fuq l-ewwel paġna tas-Sunday Times ta’ Londra, suppliment tas-safar tal-5 ta’ Frar li għadda (l-istaġun meta l-Ingliżi jibbukkjaw il-vaganzi tas-sajf) kien jgħid: not a high rise in sight! (ma tarax torrijiet!). Isserraħ għajnejk! Tara s-sema u x-xemx! Aħna għadna fil-ħin li ma nkomplux nirrovinaw is-suq billi neqirdu l-ambjent Mediterranju. Min ma jarax ix-xemx matul is-sena ma jinkwetax daqshekk li jaħbiha bil-bini għoli…aħna malli jagħmlu jumejn bis-sħab insiru nervużi! Jekk irridu nibnu t-torrijiet (jidher li Paceville qed jistieden biżibilju) insibu lokalità fejn tiġborhom f’salt ‘il bogħod minn siti antiki bħall-Belt u l-Imdina. Pariġi mis-snin tmenin ‘l hawn bnew La Defense u ħadd aktar (ħarbilhom wieħed) ma bena gerrief-is-sema iżjed fil-qalba tal-belt turistika. B’rieda tajba dan nistgħu nagħmluh ukoll u nkunu qed nibżgħu għall-kapital turistiku tagħna u tal-ġenerazzjonijiet li ġejjin warajna.

IċĊentru tas-Saħħa tal-Gżira

U xtaqt naqsam l-aħħar ħsieb magħkom fuq is-saħħa. Waqt li ngħaġġlu nibnu ħa nikkomodaw lill-barranin (investiment għaqli ħafna) xi drabi nagħtu anqas priorità lil dak li jkun taħt imneħirna u tal-poplu. Nieħdu l-Gżira. Ċentru tas-Saħħa qadim, iffullat, taraġ ma’ kull żewġ passi u jieħu ħsieb aktarx l-akbar distrett ippopolat ta’ Malta. Tassew li mhux ‘il bogħod minn Mater Dei (imma ma ngħidux aħjar ma jmorrux hemm għall-emerġenza?!), tassew li tas-Sliema hemm sptar privat effiċjenti (għal min għandu l-flus u l-insurance privata) imma possibli minn Pembroke sal-Imsida fejn il-popolazzjoni żgur taqbeż it-30,000 (tajjeb infakkru li l-pazjenti ta’ dan iċ-Ċentru jiġu mill-Gżira  stess, l-Imsida, tas-Sliema, ta’ Xbiex, il-Kappara, Pembroke, San Ġiljan, San Ġwann, is-Swieqi u tal-Ibraġġ) ic-centru għadu  adattat?  Naf li hemm pjan…li ma nafx kemm tela’ trab fuqu s’issa.

Kont hemm ftit jiem ilu filgħodu: tħassart anzjani sajmin, jitilgħu bit-taraġ fl-ewwel sular għall-konferma tal-appuntament, jitilgħu t-tieni sular bit-taraġ għas-servizz iżda qabel jingħatalhom minn staff effiċjentissimu u bil-ġentilezza kollha jridu jiġu kompjuterizzati minn barranija ġo indana qiesha box-room. Wara jergġħu jagħmlu l-kju (tliet kjujiet f’temp ta’ nofs siegħa) biex jidħlu fejn in-nurses marsusin tant ma’ xulxin li malli tinqeda persuna, trid tistenna jinqdew it-tlieta l-oħra, qiesu bħal meta taqla’ s-sardin mil-landa. Taqla’ waħda, waħda aktar diffiċli minn kollha f’salt. Meta niftaħru (u għandna biex) bl-aqwa progress fis-saħħa, meta għandna awtoritajiet u ħaddiema fis-saħħa fost l-aqwa fid-dinja, meta l-pajjiż għandu servizz soċjali ta’ saħħa nazzjonali tant prim fl-Ewropa, kif inħallu ċentru ffrekwentat minn bosta Maltin u barranin ta’ kull nazzjonalità jidher daqstant tas-snin 50? Dan priorità ngħid jien aktar minn kull torri ġo tas-Sliema. Ilsna ħżiena jgħidu għax l-għaxar distrett ma jivvutax Labour. Din ċajta diżonesta. Iċ-Ċentru tal-Gżira ilu hemm żmien żemżem u l-anqas gvernijiet nazzjonalisti ma’ ħadu ħsiebu sew jew naqqsu l-ammont esaġerat ta’ pazjenti li jriedu jinqdew fih billi jinfetaħ ċentru ieħor pereżempju l-Balluta. Titjib kosmetiku faċli jsir b’xi tibjida; bidla serja bħal tal-Mosta u l-proġett bżonnjuż u għaqli ta’ Raħal Ġdid huma ħaġa oħra. Il-Gżira hemm bżonn urġenti ta’ ippjanar bis-saħħa tan-nies f’moħħ il-perit, lift u aktar kmamar komdi….mhemmx għalfejn 40 sular imma jieħu tlieta oħra!

F’ras-il blog: naraw it-torrijiet ta’ Tigné għadhom telgħin qrib sew tal-belt Valletta mħarsa bħala wirt globali mill-UNESCO.

Ir-ritratt tal-ġimgħa: riklam tal-Costa Brava fis-Sunday Times ta’ Londra fi Frar iħajjar lit-turisti Ingliżi jmorru vaganza hemm għax fil-gżira ma tarax torrijiet! Lezzjoni għalina qabel ikun tard wisq.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend