Tfal, ritratti u sess; 100 rapport imma 18-il azzjoni biss | One News

Notifiki

Tfal, ritratti u sess; 100 rapport imma 18-il azzjoni biss

Saru 100 rapport dwar ritratti ta’ tfal f’kuntest sesswali; tneħħew biss tmintax. Qed nitkellmu dwar ritratti li tpoġġew fuq is-sit soċjali facebook, u li wara li sar rapport dwarhom, il-maġġoranza tagħhom ma tneħħewx. Dan wassal biex facebook irċieva kritika kbira.

Din il-kritika nibtet wara stħarriġ li għamlet il-BBC, hekk kif wara li għamlet numru sinifikanti ta’ rapporti fuq ritratti li fihom jidhru tfal f’kuntest sesswali, għall-maġġoranza tagħhom ir-risposta kienet li dawn ma jmorrux kontra l-istandards tal-komunità ta’ facebook.

Iċ-chairman tal-Kumitat tal-isport, midja u l-kultura fir-Renju Unit, Damian Collins, qal li għandu dubji kbar dwar il-mod ta’ kif facebook jikkontrolla l-kontenut onlajn.

Ir-ritratti kienu jinkludu tfal taħt is-sittax-il sena li tpoġġew fi grupp li jattira l-pedofli, b’wieħed mir-ritratti propju ttieħed minn filmat ta’ abbuż fuq tfal. Fost il-kontenut li mhux permess mis-sit soċjali facebook hemm dak li huwa msejjaħ sexually suggestive content.

Fid-dawl li Facebook naqas milli jneħħi dawn ir-ritratti u għalhekk il-BBC kitbet storja f’dan ir-rigward, il-kumpanija rrapportat lill-ġurnalist u qalet li qed ixerred dawn ir-ritratti.

Il-ġurnalist qal ukoll li Facebook naqas li jneħħi l-profil ta’ ħames pedofli li nstabu ħatja mill-Qorti.

Dwar dan ikkumentaw mijiet ta’ persuni li lkoll saħqu li dan huwa inaċċettabli u li jeħtieġ li Facebook jkollu sistema effiċjenti għal kif jintagħżel il-kontenut li jitneħħa minn fuq is-sit soċjali.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend