Il-Pixxina Nazzjonali f'Tal-Qroqq terġa' tiftaħ il-bibien | One News

Notifiki

Il-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq terġa’ tiftaħ il-bibien

Ix-xogħol ta’ manutenzjoni estensiv fil-Kumpless tal-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq issa jinsab lest.  Fil-fatt il-Kumpless Sportiv reġa’ fetaħ il-bibien tiegħu din il-ġimgħa għall-klabbs tal-waterpolo, kif ukoll għan-numru ta’ assoċjazzjonijiet u klijenti li jagħmlu użu minn dan il-post.

‘Ir-riġenerazzjoni tal-pixxina nazzjonali kienet wegħda ta’ dan il-Gvern li tiġi indirizzata l-problema enormi ta’ telqa u abbandun li kienet ilha takkumula għal dawn l-aħħar għoxrin sena’, dan qalu s-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport Chris Agius waqt l-inawgurazzjoni li saret llum. Huwa kompla jgħid li fl-aħħar snin ġew investiti ’il fuq minn tliet miljun ewro fuq dan il-kumpless.

L-ewwel fażi kienet tkopri l-aktar xogħol ta’ emerġenza, fejn saret manutenzjoni fuq is-South Block u nbnew mill-ġdid iċ-changing rooms.  Wara segwiet it-tieni fażi li kienet tinkludi l-bdil tal-heating system, u maintenance tal-boiler,  tibdil ta’ pompi fil-Plant Room u s-sistema tal-greywater.  Saret ukoll sistema ta’ arja kundizzjonata aktar effiċjenti fl-uffiċċini, l-installazzjoni ta’ pool covers u sistema ġdida ta’ tisħin ta’ ilma bir-raġġi tax-xemx.  Dan sar sabiex jitnaqqas l-użu tal-fuel u l-kumpless ikun aktar effiċjentiBarra minn hekk inbidlu wkoll il-handrails kollha li jdawru l-pixxina.

It-tielet fażi tar-riġenerazzjoni tal-pixxina nazzjonali kopriet il-manutenzjoni taż-żewġ pixxini flimkien u l-bdil tal-madum tad-deck. Dan tal-aħħar kien fi stat gravi tant li kien ta’ periklu għal min kien qed juża’ din il-facilità. B’hekk il-Gvern wettaq il-wegħda tiegħu u issa jista’ jkompli jiffoka fuq wegħda oħra li hija dik tal-pixxina magħluqa fil-Kottonera. Dan l-impjant huwa ferm mistenni mill-komunità akkwatika f’Malta, u l-pjanijet tal-Gvern huma li x-xogħlijiet jibdew sal-aħħar ta’ din is-sena.

Iċ-Ċermen ta’ SportMalta, Luciano Busuttil semma kif SportMalta rat li l-flus kollha nvestiti f’dan il-proġett isarrfu f’xogħol tajjeb.  Huwa spjega kif fejn kien hemm bżonn, reġa’ sar ix-xogħol biex ikollna żgur faċilità denja għall-isport Malti u dawk kollha li jużawha.

Dermot Galea, il-Kap tal-faċilitajet sportivi ta’ SportMalta elenka fid-dettall ix-xogħol kollu li sar filwaqt li l-President tal-ASA Joe Caruana Curran irringrazzja lil SportMalta u lill-Gvern ta’ ħidma biex pajjiżna issa qed igawdi minn faċilità tal-ogħla livell.

Waqt iċ-ċerimonja tal-ftuħ saret esebizzjoni mill-istudenti tal-akkademja taż-żfin sinkronizzat ta’ SportMalta, kif ukoll turnament tal-waterpolo bejn il-klabbs ewlenin, kif ukoll it-tim nazzjonali tan-Nisa.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend