"L-Unjoni Ewropea trid tkompli tintensifika l-ħidma tagħha fir-rigward tal-Libja" | One News

Notifiki

“L-Unjoni Ewropea trid tkompli tintensifika l-ħidma tagħha fir-rigward tal-Libja”

 “L-Unjoni Ewropea trid tkompli tintensifika l-ħidma tagħha fir-rigward tal-Libja, inkluż permezz ta’ azzjonijiet aktar iffukati tal-Politika ta’ Sigurtà u Difiża Komuni (PSDK) u ħidma bil-għan li jintlaħqu l-miri tal-Laqgħa Għolja tal-2015 tal-Belt Valletta dwar il-Migrazzjoni u l-Laqgħa Għolja Informali li saret f’Malta x-xahar li għadda, filwaqt li jsir ix-xogħol li ntlaħaq qbil dwaru f’dawk il-laqgħat,” qal il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Carmelo Abela, waqt li indirizza l-laqgħa informali tal-Ministri tad-Difiża tal-Unjoni Ewropea fi Brussell.

Il-laqgħa sejħitha u ppresedietha r-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, Federica Mogherini, biex issir diskussjoni dwar il-prospettiva strateġika tal-involviment tal-PSDK fil-viċinat tal-UE u wkoll lil hinn minnu.

 Kull fejn ikun possibbli, Malta se tibqa’ tipprovdi appoġġ f’dan ir-rigward, qal il-Ministru. Malta hija impenjata li tara li jkun hawn aktar opportuntajiet għad-djalogu. Fil-fatt pajjiżna ospita ċ-ċerimonja tal-gradwazzjoni tal-ewwel grupp ta’ Libjani li tħarrġu bħala gwardji tal-kosta, u bħalissa qed tħejji biex tilqa’ u tħarreġ numru ieħor minnhom.

Fi Brussell, il-Ministu Abela ħa sehem ukoll f’sessjoni konġunta tal-Kunsill tal-UE bejn il-Ministri tal-Affarijiet Barranin u dawk tad-Difiża tal-Unjoni. Din kellha l-għan li tiddiskuti l-progress fit-twettiq tal-aspetti tas-sigurtà u tad-difiża tal-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta’ Sigurtà tal-UE. Il-Ministri adottaw konklużjonijiet li jivvalutaw il-progress li sar mill-Kunsill Ewropew tal-15 ta’ Diċembru 2016 ’l hawn, li se jservu bħala bażi ta’ rapport għall-Kunsill Ewropew tad-9 u l-10 ta’ Marzu 2017.

“Fuq il-bażi tal-esperjenza tagħha f’reġjun mifni bl-instabbiltà, Malta tagħti importanza kbira lir-rabta bejn id-dimensjoni interna u dik esterna tas-sigurtà,” qal il-Ministru. “Huwa meħtieġ li nassiguraw li l-UE tkun f’pożizzjoni li tirreaġixxi għall-isfidi tagħha malajr u b’mod effettiv.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend