L-MIA mal-aqwa ajruporti Ewropej – One News

Notifiki

L-MIA mal-aqwa ajruporti Ewropej

  • L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kiseb it-tielet post fl-istħarriġ Airport Service Quality (ASQ) għall-2016
  • Għal dawn l-aħħar snin l-MIA dejjem sab postu mal-aqwa 5 fil-kategorija tal-Aħjar Ajruport skont ir-Reġjun
  • Il-punteġġ globali tal-MIA għall-2016 hu l-ogħla sal-lum; dan jindika livelli akbar ta’ sodisfazzjon tal-passiġġieri

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kiseb it-tielet post fil-kategorija tal-Aħjar Ajruport skont ir-Reġjun (l- Ewropa) fl-istħarriġ Airport Service Quality (ASQ) għall-2016 ta’ Airports Council International.

Airports Council International (ACI) illum ħabbar ir-rebbieħa fl-istħarriġ tiegħu ASQ, wara li 284 ajruport madwar id-dinja ġew iġġudikati mill-passiġġieri li għaddew minnhom tul is-sena 2016.

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kiseb l-ogħla punteġġ tiegħu sal-lum f’dan l-istħarriġ, li jkejjel is- sodisfazzjon b’mod ġenerali tal-passiġġieri bl-esperjenza tagħhom fl-ajruport, li tinkludi l-effiċjenza u l- korteżija tal-istaff u l-faċilitajiet tal-ajruport. Dan il-punteġġ poġġa lill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta fit- tielet post minn fost erbgħa u tmenin ajruport Ewropew li jilqgħu aktar minn 2 miljun passiġġier annwalment. Dan it-tielet post, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qed jaqsmu mal-ajruporti ta’ Dublin (28 m passiġġier/sena), Porto (7 m passiġġier/sena) u Zurich (27 m passiġġier/sena).

“Il-fatt li ksibna l-ogħla punteġġ globali tagħna juri li hekk kif dejjem qed infittxu li nagħtu servizz eċċellenti, qed jirnexxilna wkoll nilħqu aħjar l-aspettattivi tal-passiġġieri meta jkunu għaddejjin mill-ajruport tagħna. Għaldaqstant, nixtieq nirringrazzja lit-tim tal-ajruport u lill-partijiet interessati kollha tal-ħidma tagħhom lejn l- istess viżjoni li noffru esperjenza fl-ajruport li tagħti gost lill-viżitaturi tagħna,” qal is-CEO tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, Alan Borg.

“Ninsab tassew sodisfatta li hekk kif qed niċċelebraw 10 snin ta’ ħidma mal-ajruporti biex dawn jifhmu kif jistgħu jaqdu lill-passiġġieri tagħhom bl-aħjar mod permezz tal-Programm tal-ASQ, għandna wkoll l-akbar grupp ta’ rebbieħa li qatt kellna,” qalet Angela Gittens, id-Direttur Ġenerali ta’ ACI World. “Dawn l-ajruporti ddedikaw l-isforzi tagħhom lejn l-għoti ta’ esperjenza stellari lill-klijenti tagħhom. Il-promozzjoni ta’ kultura ta’ titjib kontinwu fis-servizz issarraf f‘kisba ta’ vantaġġ kompetittiv u ottimizzazzjoni tad-dħul mhux aeronawtiku. ACI huwa kburi li jirrikonoxxi dawn il-kisbiet u aħna ħerqanin li flimkien inkomplu nfittxu modi aktar effettivi, effiċjenti u profittabbli ta’ kif nistgħu naqdu lil dawk li jivvjaġġaw bl-ajru.”

Dwar l-istħarriġ ASQ ta’ Airports Council International

L-ASQ huwa l-uniku programm dinji li jagħmel stħarriġ fost il-passiġġieri fl-ajruporti fil-ġurnata tal-vjaġġ tagħhom. Kull sena, bħala parti mill-Programm jitqassmu mas-600,000 stħarriġ individwali f’41 lingwa f’84 pajjiż. Dan l-istħarriġ ikejjel is-sodisfazzjon tal-passiġġieri fuq bażi ta’ 34 indikatur tal-prestazzjoni, inklużi l- aċċess għall-ajruport, il-proċess taċ-check-in, l-iskrining tas-sigurtà, il-faċilitajiet ta’ konvenjenza pubblika u l- ħwienet u r-ristoranti tal-ajruport. Il-Programm tal-ASQ jippermetti wkoll li l-aħjar prattiki jiġu kondiviżi bejn l-operaturi tal-ajruporti.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend