Il-passat tal-Unjoni Ewropea importanti daqs il-futur | One News

Notifiki

Il-passat tal-Unjoni Ewropea importanti daqs il-futur

Il-Kap tad-delegazzjoni Maltija Laburista fil-Parlament Ewropew Alfred Sant qal li d-deċiżjonijiet fuq il-futur tal-Ewropa għandhom ikunu msejsa fuq analiżi kritika u onesta tal-passat riċenti tal-Ewropa. Sfortunatament dan l-eżerċizzju qed jitħalla f’idejn il-populisti u d-demagogi, irrimarka l-Ewroparlamentari Malti waqt l-intervent tiegħu fid-dibattitu “Il-‘White Paper’ dwar il-futur tal-Unjoni Ewropea”.

Sant qal li l-Ewropa teħtieġ tagħraf u teżamina n-nuqqasijiet tagħha kif ukoll il-kisbiet tal-proġett Ewropew ta’ dawn l-aħħar sittin sena – jiġifieri l-azzjonijiet strateġiċi tagħha meħuda f’perjodu storiku partikolari. Jekk dawn kienu tajbin għal popli Ewropej mela jridu jingħataw aktar saħħa, fejn kienu ħżiena għandhom jitreġġgħu lura.

“Forsi jagħmel sens li niftħu d-diskussjoni dwar il-futur tal-Ewropa b’diskussjoni dwar il-passat tagħha fil-qafas storiku. Ħafna drabi nħoss, li f’dan il-Parlament u f’postijiet oħra, diskussjonijiet ta’ dan it-tip jissarrfu esklussivament f’perspettiva ideoloġika – bħal tal-pellegrini ffissati li jridu jilħqu Ġerusalemm il-ġdida. Aktar minn hekk, jintrabtu ma’ metodi teknokratiċi li huma mnaqqxa sew fin-neoliberaliżu.

Anki d-dimensjoni soċjali, meta din tkun inkluża, tintrabat ma’ kapitlu politiku, b’ton u termini pożittivisti. Forsi għandna bżonn nirrevedu b’mod storiku u kritiku x’sarraf il-Proġett Ewropew fil-qafas tar-realtajiet storiċi Ewropej li seħħew mir-Rivoluzzjoni Franċiża ’l hawn.” qal Sant.

L-għan tal-‘White Paper’ huwa li tidentifika l-isfidi u l-opportunitajiet  quddiem l-Ewropa u l-futur tas-27 stat membru flimkien. Il-‘White Paper’ tipproponi 5 xenarji kif l-Unjoni tista’ tiżviluppa sas-sena 2025.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend