Dak li qaluli biex ngħid… | One News

Notifiki

Dak li qaluli biex ngħid…

Se nwassal biss il-messaġġ li qaluli biex ngħaddi. Tgħiduli qed iservi ta’ messaġġier. Iva nemmen li hekk hemm bżonn f’din iċ-ċirkustanza. Min hu m’għandux il-kuraġġ jitkellem apertament u qalli biex ngħaddi l-messaġġ jiena bil-premura li ma nsemmiex ismijiet. U hekk se nagħmel.

Ngħid mingħajr tlaqliq li din il-persuna, kienet u għadha ma taqbilx miegħi politikament u ma’ ħafna mill-qarreja ta’ dan is-sit. Pero qed naqblu fuq ħaġa waħda. Is-serenità li hawn f’pajjiżna. Qed naqblu fuq is-siegħa tajba li għaddejjin minnha n-negozji. U propju għalhekk, li din il-persuna li kienet u se tibqa’ Nazzjonalista, imma li qed tara l-partit tagħha totalment mibdul, se tivvota lil Joseph Muscat fl-elezzjoni li ġejja.

Jien nemmnu.

Nemmnu għax naf kif is-soltu jitkellem. Li minkejja li għandu l-prinċipji tiegħu, l-ikbar prinċipju tiegħu huwa li hu Malti qabel kollox, bħal ma jien jien, u bħal m’huma l-maġġoranza tan-nies.

Id-diskors kien, jien kif nista’ nafda lil xi ħadd li kisser dak kollu li ġġieldu għalih dawk li ġew qabel fil-PN bid-diffetti kollha tagħhom u li qed jipprova jnissel il-firda fejn m’hawx, qed jipprova jqajjem id-dubbji fejn m’hemmx mistoqsijiet u qed jipprova jwaqqaf dak li issa drajna għaddej; l-investiment, il-ħolqien tax-xogħol u t-tqassim tal-ġid?.

Kif nista’ jien nivvota għal xi ħadd li l-unika arma li għandu hija li jgħajjar lil kulħadd korott, li joffendi nies li taħhom kariga Gvernijiet Nazzjonalista fil-passat għax illum qed jaħdmu ma’ dan il-Gvern?

Kieku nofs Malta x’tagħmel meta Gvern jinqaleb?. Nofs Malta fil-ġid u l-oħra fil-għaks?. Mela hawn mhux kulħadd jiddependi fuq l-ieħor, mela f’pajjiżna mhux ma’ kulħadd trid taqla’ lira?. Dan kien dan id-diskors li qalli dan l-individwu, li ovvjament semmili fejn dan il-Gvern għandu jirranġa wkoll.

Huwa ssokta jgħid li llum l-għażla mhux bejn il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista biss. L-għażla llum mhux lanqas bejn Joseph Muscat u Simon Busuttil biss. L-għażla ewlenija saret bejn min iridek timxi ‘l quddiem u ma jgħirx għalik u min irid iwaqqaf kollox biex jitla’ fil-Gvern billi jġiegħel lil ħaddieħor jidher ikrah mhux għax għandu x’joffri. L-għażla hija bejn min irid is-serenità, li joffri l-id tal-ħbiberija minkejja kollox u min moħħu jxejjer l-imkattar tal-Partit biex jiġbor ġieħu ma min huwa l-eqreb tiegħu iżda xorta qed jiddubitah. L-għażla hija faċli.

La jien Malti qabel Nazzjonalist, allura bilfors irid imur għand min irid li jmexxini ‘l quddiem, temm jgħidli l-individwu.

U dak huwa s-sentiment tan-nies ta’ rieda tajba. Xogħolna huwa li dan in-nies ma ngerxuhomx għax ma jaqblux magħna fuq il-Partit li jħobbu, iżda nġibuhom magħna fuq dak li naqblu fuqu; pajjiżna.

Jien nifhem lil min jgħidli mela hekk sew hemm aħna fil-Gvern bħalissa u jgawdi ħaddieħor. Kulħadd għandu jieħu dak li hu tiegħu jekk għandu raġun, iżda ma nagħmlux l-iżball li bħalissa qed jagħmel ħaddieħor, flok nibnu l-ħitan iridu nibqgħu niftħu t-twieqi u l-bibien…

Ta’ QabelLi Jmiss
Nigel Vella huwa Uffiċjal tal-Komunikazzjoni fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Gradwat mill-Università ta’ Malta fl-Istorja u ilu attiv fil-politika minn mindu kellu 16–il sena. Ħadem f’bosta Għaqdiet bħall-FŻL u l-għaqda tal-istudenti PULSE. Kitbitu se tmur lil’ hinn mill-politika li zgur ser tkun it-tema li tiddomina l-blog tiegħu, iżda permezz tal-kliem sempliċi jridu jitwasslu opinjonijiet oħra fuq materji oħra. Li hu zgur huwa li mhux se jkun hemm tidwir mal-lewża u logħob bil-bżalu.

Send this to a friend