Simon Busuttil – Garanzija ta' instabbiltà | One News

Notifiki

Simon Busuttil – Garanzija ta’ instabbiltà

Jekk qatt kien hemm xi dubju dwar x’tip ta’ tmexxija lest joffri Simon Busuttil, dan ġie kkjarijifikat matul dawn l-ahhar ġimgħat. Tmexxija li se tkun ibbażata fuq it-tpattija lejn l-individwi, li jreġġa’ l-arloġġ lura fuq deċiżjonijiet bżonjużi u jħares lejn kull ċittadin Malti skont il-kulur politiku li jħaddan. Jew taqbel miegħu, inkella jitfak ‘l barra!


Dan apparti t-teatrini li qed iqajjem dwar it-theddida tal-libertà u d-demokrazija f’pajjiżna. X’theddida qed jivvinta? Il-media baqgħet tagħmel xogħolha b’mod normali – ħadd ma spiċċa l-ħabs fuq kitba t’artiklu, jew kellu jirraporta d-depot għall-interrogazzjoni! Libelli jsiru, issa drajnihom – wara kollox ma fiha xejn hażin li wieħed iħares id-drittijiet tiegħu…jew issa anki dan huwa ħażin, u trid tbaxxi rasek għall-orakli Nazzjonalisti? Allura fejn hi l-libertà għal dak l-individwu li jispiċċa vittma ta’ gideb li jkun inkiteb dwaru?

It-theddida għall-libertà u d-demokrazija qed jagħmluha Simon Busuttil u sħabu stess,b’dikjarazzjonijiet perikolużi li qed jimminaw l-istituzzjonijiet tal-pajjiż – fosthom kontra l-Kummissarju tal-Pulizija, l-qrati u x-xandir. Dan biex ma nsemmux li kull haġa li tiġri f’Malta hija tort tal-Gvern jew individwi appuntati minnu. Din it-theddida ġejja wkoll mill-abbatini tal-Partit Nazzjonalista li l-uniku għan tagħhom huwa li jħammġu lill-Gvern. Tista’ tikkritika, iżda ma tistax tkun distruttiv jew tattakka personali. Għan-Nazzjonalisti, li tattakka personali hija l-ordni tal-ġurnata, ma jonqosx li l-attakk jibda mill-abbatini tal-PN, li iżda umbgħad ikunu ripetuti mill-esponenti tal-Partit ghal skopijiet politiċi partiġġjani.

It-theddida ġejja ukoll mid-double standards ta’ Simon Busuttil bejn dak li jgħid għal dak li jagħmel. Każ tipiku huwa ta’ Toni Bezzina, fejn l-ewwel jippoppa sidru favur il-protezzjoni tal-ODZ, iżda umbgħad mar japplika sabiex jagħmel żvilupp għalih u għall-familtu! X’għamel Simon Busuttil? Xejn. Anzi ddefendih! Immaġina kemm se jkun kapaċi jieħu deċiżjoni jekk ikun Prim Ministru.

L-uniku arma li għandu Simon Busuttil huwa li jipprova jidistabbilizza l-pajjiż, u jipprova jnaqqas it-tkabbir ekonomiku li qed jesperjenza l-pajjiż u l-familji Maltin u Għawdxin. L-akkużi kollha li dejjem isemmi Busuttil huma kollha ibbażati fuq stejjer jew suspett fuq l-individwu. Qatt ma ressaq l-ebda prova għall-akkużi li jsemmi. Dejjem żamm il-pożizzjoni komda ta’ armchair critic, fejn joqgħod jirrepeti l-istejjer fuq dak u fuq l-ieħor, skont min ifettillu li jmissu fuq il-lista tal-attakki.

L-oppożizzjoni, hi min hi, għandha rwol kruċjali fis-sistema politika Maltija. Ħasra li l-oppożizzjoni preżenti hija iktar moħħha biex twaddab it-tajn u tattakka lill-individwi milli tiffoka fuq il-proposti bħala gvern alternattiv. Il-wirja ta’ Simon Busuttil waqt il-programm Dissett tikkonferma n-nixfa fl-ideat li għandu l-PN, bl-uniku tattika tagħhom sal-elezzjoni li jmiss hija biex tkisser u tifred lill-poplu.

Ta’ QabelLi Jmiss
Chris Balzia għandu 30 sena u jgħix Birżebbuġa. Studja l-inginerija tal-avjazzjoni fil-kulleġġ tal-MCAST. Waqt li kien qed jaħdem f’dan is-settur, reġa’ ssokta bl-istudju tiegħu fejn ggradwa mill-Università ta’ Londra b’Diploma fl-Ekonomija. Bħalissa jinsab għaddej bl-istudji tiegħu għal Degree fil-Management. L-attiviżmu politiku minn dejjem kien jinteressaħ u jassoċja ruħu mal-ideali poltiċi xelluġin. Matul il-hajja studenteska tiegħu kien attiv mal-għaqda Pulse fejn anki serva għal diversi snin fl-eżekuttiv tal- għaqda. L-impenn politiku kompla bl-involviment fil-fergħa tal-Forum Żgħażagħ Laburisti ta’ Birżebbuġa u fl-eżekuttiv tal-FZL mill-2011 sa Frar tal-2016. Apparti l-interess fil-politika, impenn ieħor għal qalbu huwa l-iScouting. Chris ilu membru tal-iScouts mill-eta’ ta' sebgħa snin u baqa’ attiv fl-istess assoċjazzjoni fejn bħalissa jokkupa l-kariga ta’ Scout Leader mall-grupp ta' Birżebbuġa.

Send this to a friend