Juncker jikteb lil Tusk… Malta u l-Finlandja biss fit-triq it-tajba | One News

Notifiki

Juncker jikteb lil Tusk… Malta u l-Finlandja biss fit-triq it-tajba

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean Claude Juncker, kiteb lill-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk ġimgħa qabel jerġa’ jiltaqa’ l-Kunsill Ewropew fi Brussell u l-messaġġ kien dwar l-immigrazzjoni.

Biex baqgħet fuq nett tal-aġenda t-tema li hi ewlenija fost il-prijoritajiet Maltin fil-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Saret referenza ċara għad-dikjarazzjoni ta’ Malta maqbula waqt is-Summit tat-3 ta’ Frar u li fiha kien maqbul li trid issir ħidma biex tkun indirizzata r-rotta tal-Mediterran Ċentrali, dik li tara ħafna immigranti jitilqu mil-Libja. Fosthom bi ftehim u diskussjoni minn pajjiżi minn fejn jitilqu l-immigranti.

L-ittra ta’ Juncker lil Tusk intbagħtet wara li l-Kulleġġ tal-Kummissarji Ewropej qabel fuq pakkett ġdid b’rabta mal-immigrazzjoni.

Fih il-Kummissjoni għamlet ukoll appell lill-Istati Membri biex iżidu l-pass ta’ rilokazzjoni biex itaffu l-pressjoni fuq l-Italja u l-Greċja u ntqal li ftit biss minnhom wettqu l-impenji tagħhom b’mod sħiħ.

Sa issa, huma biss żewġ Stati Membri, Malta u l-Finlandja, li qegħdin fit-triq it-tajba biex jilħqu l-obbligi tagħhom, qalet il-Kummissjoni Ewropea.

Il-Kummissjoni stiednet ukoll lill-Istati Membri biex iwettqu l-impenn politiku qawwi mogħti u jimlew jgħinu fir-riżorsi umani u t-tagħmir sal-aħħar ta’ Marzu għall-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta.

Dan anke għax sena wara li saret id-Dikjarazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u t-Turkija, li qed tkompli żżomm il-qsim irregolari taħt kontroll, xorta għadhom qegħdin jaslu nies aktar milli qed jintbagħtu lura.

Meta tkellem dwar dan u l-bidliet l-oħra li hemm bżonn, il-Kummissarju Ewropew responsabbli mill-Immigrazzjoni qal li filwaqt li l-Ewropea trid turi solidarjeta hemm messaġġ ċar x’jintbgħat.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend