Tinstab il-karozza tal-vittma…min qatlu kien jafu sew – One News

Notifiki

Tinstab il-karozza tal-vittma…min qatlu kien jafu sew

It-tlieta filgħaxija instabet il-karozza BMW tan-negozjant David Abela, ir-raġel ta’ wieħed u ħamsin sena li nstab mejjet f’daru it-Tnejn għal ħabta tal-ħamsa ta’ filgħaxija biswit l-impjant tar-reverse osmosis ta’ Pembroke. Sorsi qrib l-investigazzjoni tad-delitt ta’ Abela, jemmnu li f’dan il-qtil kien aktar minn persuna waħda nvoluta filwaqt li eskludew il-possibbilta li dan l-omiċidju kellhu intenzjoni ta’ serq.

In-negozjant mis-Swieqi instab mejjet f’għadira demm wara li aktarx qala’ numru ta’ daqqiet ta’ sikkina. Huwa nstab għarwien imkebbeb f’liżar, b’idejh u saqajh marbuta u ħalqu magħluq bit-tape u għalhekk fl-awtopsja tal-katavru saru ukoll testijiet oħra biex jiġi stabbilit hekk kienx hemm attività sesswali qabel sar dan il-qtil hekk kif ir-raġel instab għarwien.

Nifhmu li għalkemm il-pulizija mhux torbot dan il-każ ma’ kriminalità organizzata bħal każijiet oħra li kellna din is-sena, qed tinvestiga kull tarf li jista’ jgħinha jsolvi dan id-delitt. Diversi sorsi qalu li ma kien hemm l-ebda żgass fid-dar tal-vittma u dan jista’ jitfa’ dawl fuq il-każ hekk kif min wettaq id-delitt seta’ kien jaf sew lil vittma.

Fatt ieħor huwa li l-ammont ta’ demm li nstab ma jikkorispondiex mal-ammont ta’ daqqiet ta’ sikkina li qala’ l-vittma u għalhekk il-pulizija trid tistabilixxi l-kawża eżatt tal-mewt. Fil-fatt sorsi qalu li l-vittma jista’ jkun li miet fgat kawża tat-tape li kellhu ma’ ħalqu mbagħad ingħata xi daqqiet bis-sikkina.

Hu mifhum ukoll li sal-Ħadd li għadda sar kuntatt ma’ David Abela, għalhekk kollox jindika li huwa miet nhar it-Tnejn. Kienet is-sieħba tiegħu Irina Alexandrovna Micallef li sabet quddiemha din ix-xena makabra.

L-istess persuna nġabret mill-pulizija biex tkun interrogata hekk kif l-investigazzjoni mistennija tidħol fil-fond tal-ħajja personali ta’ Abela. Il-vittma  huwa missier ta’ erba’ t’itfal; tlieta mill-ewwel żwieġ u wild ieħor minn sieħba oħra. Abela kien negozjant fil-qasam tal-ivvjaġġar. Kien sid tal-kumpanija 21st Century Travel u 21st Century Limousine. U kien ukoll direttur tal-kumpanija Aviaserve Ltd.

Minkejja li l-vittma ma kienx persuna magħrufa mal-pulizija, erba’ snin ilu, fil-Qorti, ma kienx instab ħati li kkaġuna l-qtil involontarju t’anzjana ta’ ħamsa u sebgħin sena wara li laqatha bil-karozza.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend