Ħames xenarji differenti għall-futur Ewropew | One News

Notifiki

Ħames xenarji differenti għall-futur Ewropew

 

Huma ħamsa ix-xenarji li jagħtu idea ta’ kif il-futur tal-Unjoni Ewropea jista’ jiżviluppa sal-2025 u dan jiddependi mid-deċiżjonijiet li jittieħdu. Dan skont il-White Paper li ressaq il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean Claude Juncker, fid-diskors magħruf bħala State of the Union.

L-ewwel xenarju hu li sal-2025 l-Unjoni Ewropea b’27 stat membru tara li jkunu implimentati r-riformi. It-tieni xenarju hu li l-istati jistgħu ma jaqblux fuq il-bżonn li ssir iżjed ħidma f’ċerti oqsma lil hinn mis-suq uniku.

It-tielet xenarju hu li l-Unjoni ewropea tibqa’ għaddejja kif inhi għaddejja bħalissa filwaqt li tħalli stati membri jaħdmu flimkein għal rashom f’ċerti setturi.

Ir-raba’ xenarju hu li l-Unjoni Ewropea taħdem biex tagħmel differenza f’setturi li jolqtu direttament liċ-ċittadin u l-ħames xenarju hu li l-istati membri jiddeċiedu li jaħdmu iżjed flimkien fuq kull settur.

Il-White Paper kienet ppreżentata b’antiċipazzjoni għas-Summit f’Ruma li se jfakkar is-sittin anniversarju minn meta bdiet l-Unjoni Ewropea.

Juncker sostna li sittin sena wara, wasal iż-żmien li l-Unjoni Ewropea tfassal viżjoni ġdida issa b’27 stat membru fi ħdanha. Il-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani laqa l-proposti mressqa u ddeskrivihom bħala ambizzjużi.

Il-White Paper timmarka l-bidu ta’ 27 stat li flimkien iridu jiddeterminaw il-futur tal-Unjoni Ewropea.

Se tkun lok ta’ dibattitu kemm fil-Kummissjoni Ewropea, l-Parlament Ewropew u fl-istati membri fejn se jitellgħu għadd ta’ dibatitti dwar is-suġġett.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend