Il-Prim Ministru f’laqgħa mal-Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka – One News

Notifiki

Il-Prim Ministru f’laqgħa mal-Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka

L-impenji tal-Prim Ministru matul il-jum komplew b’laqgħa mal-Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka Bohuslav Sobotka, fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru ġewwa Praga.

Id-diskussjonijiet iffukaw fuq il-qbil bejn iż-żewġ pajjiżi dwar futur ta’ Ewropa iktar soċjali fejn nifhmu li l-prijoritajiet huma differenti għal kull pajjiż, iżda li kull pajjiż jaħdem għall-kwalità ta’ ħajja aħjar.

Il-Prim Ministru nnota li r-Repubblika Ċeka u Malta għandhom ħafna affarijiet komuni soċjalment, fost l-oħrajn li huma tnejn mill-aktar tliet pajjiżi Ewropej b’rata ta’ qgħad baxxa.

Il-Prim Ministru Ċek faħħar l-impenn ta’ Malta biex fis-summit ta’ Malta ntlaħaq ftehim uniku dwar l-immigrazzjoni illegali fuq livell estern. Huwa sostna min-naħa l-oħra li r-Repubblika Ċeka għandha pożizzjoni differenti fuq id-dimensjoni interna ta’ kif għandu jinqasam il-piż tal-immigrazzjoni.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat irringrazzja lill-Prim Ministru Ċek għall-koperazzjoni li wera f’Malta biex intlaħaq il-ftehim dwar l-immigrazzjoni. Min-naħa l-oħra, huwa qal li l-pożizzjoni ta’ Malta hija favur kwoti mandatorji, iżda li bħala Presidenza qed nifhmu d-diverġenzi li jeżistu. Huwa saħaq li għal din is-soluzzjoni politika għandu jkollna soluzzjoni politika li tkun soluzzjoni Ewropea.

Matul iż-żjara l-Prim Ministru sab ħin iżur l-investiment Malti tal-Corinthia fi Praga.

Ritratt: DOI

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend