Il-Prim Ministru fi Stokkolma għal-laqgħat mal-Prim Ministru Svediż – One News

Notifiki

Il-Prim Ministru fi Stokkolma għal-laqgħat mal-Prim Ministru Svediż

Il-Prim Ministru Joseph Muscat beda tlett ijiem ta’ impenji f’sitt kaptali madwar l-Ewropa, b’laqgħa fi Stokkolma mal-Prim Ministru tal-Isvezja Stefan Löfven.

Iż-żewġ Prim Ministri ddiskutew l-aġenda soċjali tal-Unjoni Ewropea, il-progress tal-Presidenza Maltija, Brexit, kif ukoll il-kwistjoni tal-immigrazzjoni illegali.

F’konferenza stampa fi tmiem il-laqgħat uffiċjali, il-Prim Ministru Svediż tkellem dwar il-Presidenza Maltija u qal li l-affarijiet qed jimxu b’mod tajjeb ħafna. Huwa qal li l-Isvezja taqbel ma’ Malta dwar il-bżonn ta’ Ewropa iktar soċjali, kif ukoll l-importanza li qed tingħata waqt il-Presidenza Maltija dwar il-kwistjoni tal-immigrazzjoni.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-Presidenza Maltija hija kommessa li tibqa’ tmexxi ’il quddiem l-aġenda soċjali tal-Unjoni Ewropea. Hu saħaq, li dwar l-immigrazzjoni l-Unjoni Ewropea għadha mhijiex magħquda u hemm differenzi, madankollu l-affarijiet bdew jimxu ’il quddiem.

Iktar kmieni l-Prim Ministru akkumpanja lill-Prim Ministru Svediż għal ċerimonja biex jitfakkar l-eks-Prim Ministru tal-Isvezja Olof Palme li kien inqatel fl-1986.

Il-Prim Ministru kellu laqgħa wkoll fil-kwartieri tal-Partit Soċjal Demokratiku.

Il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u Twettiq tal-Manifest Elettorali Louis Grech, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin George W. Vella u s-Segretarju Parlamentari għall-Presidenza UE 2017 u għall-Fondi Ewropej Ian Borg qed jakkumpanjaw lill-Prim Ministru waqt l-impenji tiegħu fid-diversi kapitali Ewropej.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend