Aktar minn €800,000 għall-organizzazzjonijiet volontarji għal proġetti fil-komunità | One News

Notifiki

Aktar minn €800,000 għall-organizzazzjonijiet volontarji għal proġetti fil-komunità

Erbgħa u sittin organizzazzjoni volontarja se jkunu qed jibbenefikaw minn total ta’ €833,564 biex iwettqu total ta’ sitta u sittin proġett differenti fil-komunità. Fost l-għaqdiet volontarji li kkwalifikaw għall-proġetti hemm numru ta’ soċjetajiet mużikali, għaqdiet sportivi, għaqdiet li jaħdmu fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u ta’ persuni b’diżabilità, għaqdiet kulturali, organizzazzjonijiet li jaħdmu fil-qasam tal-ewwel għajnuna u għaqdiet li jqajmu kuxjenza dwar mard u kundizzjonijiet mediċi.

F’ċerimonja mtella’ mill-Kunsill Malti għas-Settur Volontarju fejn fiha kienu mqassma l-grant agreements, il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Helena Dalli faħħret lill-organizzazzjonijiet volontarji għall-ħidma importanti li jwettqu biex itejbu l-ħajja tan-nies. Il-Ministru Dalli semmiet kif din is-sena l-Gvern żied l-ammont ta’ fondi lill-għaqdiet volontarji biex b’hekk ikunu jistgħu jsiru aktar proġetti, bil-pajjiż jieħu lura valur għall-flus li qed jinvesti mit-taxxi li jinġabru.

Il-Ministru Helena Dalli qalet li l-Gvern se jkompli jgħin lis-settur volontarju fosthom bil-ftuħ ta’ żewġ ċentri oħra għall-għaqdiet volontarji fir-Rabat u f’Marsaxlokk.

Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għas-Settur Volontarju Nathan Farrugia qal li l-investiment sostanzjali li qed isir fis-settur huwa turija tal-fiduċja fil-ħidma tal-għaqdiet volontarji. Spjega kif il-Kunsill ilu għal dawn l-aħħar sentejn jaħdem fuq il-ħolqien ta’ fundraising portal għall-għaqdiet volontarji li mistennija tibda titħaddem fil-ġimgħat li ġejjin.

Tlieta u tletin proġett li jaqgħu taħt l-iskema tal-Voluntary Organisations Project Scheme (VOPs) amministrata mill-Kunsill Malti għas-Settur Volontarju jkopru programmi ta’ riċerka, u ta’ integrazzjoni, proġett indirizzat għall-komunità LGBTIQ, programmi fuq mezzi tax-xandir, konferenzi, emergency response units u riżorsi għal tfal b’abbiltajiet differenti.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend