Tliet irġiel wieġbu ħatja li ġelldu s-sriedaq – One News

Notifiki

Tliet irġiel wieġbu ħatja li ġelldu s-sriedaq

Tliet irġiel li ġew arrestati lbieraħ fost grupp ta’ 25 persuna, li kienu qed jagħmlu imħatri llegali u jassistu għall-ġlied bejn is-sriedaq wieġbu ħatja ta’ moħqrija fuq l-annimali. Matthew Micallef ta’ 21 sena minn Birkirkara, Johan Saliba ta’ 37 sena minn Birkirkara u Adrian Pace ta’ 22 sena minn Ħal Qormi ngħataw il-ħelsien mill-arrest fuq garanzija personali ta’ €10,000 u bil-kundizzjoni li għada jidru l-Qorti biex jingħataw is-sentenza.

Huma ġew arrestati mill-Pulizija fiż-żona tal-Ħandaq limiti ta’ Ħal-Qormi. F’azzjoni immedjata, għall-ħabta tal-għaxra ta’ filgħodu il-Pulizija dehru joħorġu bl-ewwel numru ta’ persuni li allegatament kienu qed jattendu jew iġġeldu s-sriedaq fil-kumpless. Skont sorsi viċin ta’ ONE NEWS jidher li wħud minn dawn kienu pruvaw jaħarbu mill-Pulizija fil-wied tal-madwar fil-ħin ta’ qabel.

Huwa mifhum li l-post fejn allegatament kienet qed issir din l-illegalità huwa attrezzat bl-aħjar mod tant li hemm gaġeġ apposta fejn jitpoġġew is-sriedaq u aktar minn hekk intqal lilna li l-post għandu arena fejn issir il-ġlieda, b’postijiet fejn l-ispettaturi jistgħu jsegwu.

Sorsi qrib ONE News innutaw kif bħala parti mill-investigazzjoni tagħha l-Pulizija kkonfiskat numru ta’ affarijiet fosthom mediċina li tingħata lis-sriedaq meta jkollhom ġrieħi gravi, kif ukoll il-mobiles tal-akkużati, għalkemm jidher li wieħed milli akkużati irnexxielu jarmih xi mkien fil-wied.

Fuq il-post daħlu wkoll numru ta’ veterinarji u membri tad-Dipartiment tal-Ħarsien tal-Annimali sabiex jispezzjonaw il-post u jeżaminaw il-kundizzjonijiet tal-annimali fosthom klieb u sriedaq. Sorsi minn fuq il-post żvelaw kif il-kundizzjonijiet tal-annimali mhijiex mill-aħjar, u wħud ittieħdu minn fuq il-post bl-ambulanza tal-annimali. Din il-ħidma li damet għaddeja madwar tliet siegħat fuq il-post.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend