Għaddew xahrejn ta’ Presidenza effettiva – One News

Notifiki

Għaddew xahrejn ta’ Presidenza effettiva

Fid-diskors tiegħu waqt iċ-ċerimonja inawgurali tal-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (UE) fil-11 ta’ Jannar, il-Prim Ministru Joseph Muscat tkellem dwar it-timbru tal-Presidenza tal-iżgħar Stat Membru tal-UE fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena. Fi kliem il-Prim Ministru, Malta hija determinata li taħdem qatigħ biex iġġib ’il quddiem affarijiet li jolqtu l-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini tal-UE; l-affarijiet li nitkellmu fuqhom fuq ix-xogħol, fil-ħwienet u fi djarna. Barra minn hekk, it-tema ta’ ‘Reunion’ li Malta għażlet għall-Presidenza tagħha, tirrifletti   l-missjoni intrinsika ta’ pajjiżna li minkejja ċ-ċokon tiegħu iservi ta’ pont kemm bejn l-Istati Membri nfushom u wkoll mal-pajjiżi ġirien. Din it-tema għandha tikkaratterizza wkoll id-diskussjonijiet li se jsiru waqt il-Presidenza li matulha l-UE trid issib soluzzjonijiet konvinċenti għall-isfidi l-kbar li għandha quddiemha.

Issa li għaddew 56 jum mill-Presidenza, nistgħu nħarsu ftit lura u nelenkaw fil-qosor dak li Malta diġà rnexxielha tikseb għall-ġid tal-UE, li fl-aħħar mill-aħħar hu ta’ ġid għaċ-ċittadini Maltin u Għawdxin. Qabel dan, tajjeb li wieħed jiċċara li f’dawn is-sitt xhur Malta mhix tmexxi l-UE weħidha, għax ir-rwol tagħha hu li tkun medjatur onest u newtrali u tmexxi ’l quddiem l-aġenda tal-UE. L-istituzzjonijiet ewlenin bħall-Kunsill tal-UE, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea, jaħdmu id f’id u ħadd minnhom ma għandu waħdu t-tmexxija tal-Unjoni. Wieħed irid jgħid ukoll li l-Presidenza trid tittieħed f’kuntest ta’ kontinwità. Dan ifisser li l-kisbiet li tagħmel Malta jkunu bdew fix-xhur u s-snin li għaddew. Min-naħa l-oħra, il-pajjiż li jkollu l-Presidenza jkun qiegħed ukoll jimbotta proposti ġodda, l-aktar skont il-prijoritajiet li l-Gvern iħoss li huma importanti biex l-UE timxi ’l quddiem: il-migrazzjoni, is-sigurtà, is-Suq Uniku, l-inklużjoni soċjali, ir-relazzjonijiet politiċi mal-pajjiżi ġirien, u l-affarijiet marittimi. Dawn il-prijoritajiet minnhom infushom jindikaw ir-raġuni għalfejn intgħażlu – għax huma l-prijoritajiet tal-UE kollha u li daqstant ieħor japplikaw għal Malta.

Kisba importanti fl-ewwel ġimgħat tal-Presidenza kienet id-‘Dikjarazzjoni ta’ Malta’ dwar il-migrazzjoni, li ġiet maqbula bejn il-mexxejja tal-Istati Membri fis-summit informali tal-Kunsill Ewropew fit-3 ta’ Frar. Wieħed irid jiftakar li dan is-summit kien eku tal-Valletta Summit dwar il-migrazzjoni li sar f’Malta f’Novembru 2015 bis-sehem ta’ mexxejja mill-pajjiżi tal-Afrika. Dan is-summit witta t-triq għal aktar taħdidiet u wassal biex fit-3 ta’ Frar jintlaħaq qbil fuq azzjonijiet konkreti li jindirizzaw l-isfidi ewlenin tal-migrazzjoni tul ir-rotta ċentrali tal-Mediterran fosthom is-sorveljanza tal-kosta tal-Afrika ta’ Fuq, l-immaniġġjar tal-flussi tal-migranti, it-telf ta’ ħajjiet u t-traffikar tal-bnedmin.

Addijo roaming

Matul l-ewwel ġranet tal-Presidenza saru wkoll diversi passi konkreti f’qasam ieħor importanti għall-futur tal-UE, jiġifieri l-hekk imsejjaħ is-Suq Uniku Diġitali. F’dan il-qasam l-Istati Membri ftiehmu li sa nofs Ġunju li ġej jitneħħew għalkollox it-tariffi tar-roaming. Kien hemm qbil ukoll biex jibdew it-tħejjijiet għall-iżvilupp tan-network 5G li jagħti lok għal konnettività iktar b’saħħitha u għal progress f’oqsma importanti tat-teknoloġija bħall-mediċina u t-trasport. Intlaħaq ftehim ukoll dwar l-hekk imsejħa l-cross-border portability biex fis-snin li ġejjin, kull min ikun ħallas għal xi servizz online f’pajjiżu, bħal dawk relatati ma’ sport u films, ikun jista’ jaċċessahom fi Stati Membri oħra bla ma jeħel spejjeż żejda. Fl-aħħar ġranet intlaħaq qbil ġenerali fuq proposta għal reviżjoni tal-liġijiet Ewropej eżistenti li jipproteġu lill-konsumaturi fl-użu ta’ siti elettroniċi minn pajjiż għal ieħor, bħal meta xi siti elettroniċi jimblukkaw b’mod ġeografiku lill-konsumaturi jew meta jintużaw siti qarrieqa li jtellfu l-fiduċja tal-konsumaturi fil-kummerċ online.

Minbarra l-laqgħat ministerjali u laqgħat tekniċi bi tħejjija għalihom, il-ħidma matul il-Presidenza tkun qed issir ukoll fuq livell ta’ konferenzi u laqgħat oħra li jimbuttaw inizjattivi li jġibu ’l quddiem il-kwalità tal-ħajja marbuta ma’ setturi differenti, bħalma huma l-edukazzjoni, l-impjiegi, id-drittijiet ċivili, is-saħħa, il-kultura u l-ugwaljanza.

Bla dubju, waqt il-Presidenza, Malta se jirnexxilha tikseb progress leġiżlattiv u tal-politika f’diversi oqsma oħra u se tippromovi wkoll lil pajjiżna fl-Ewropa u fid-dinja. Ħafna inizjattivi li se tieħu Malta u diskussjonijiet li se tibda Malta jkunu qegħdin jagħtu r-riżultati fis-snin li ġejjin.

Fis-summit ta’ Malta saru wkoll diskussjonijiet dwar is-60 anniversarju tal-iffirmar tat-Trattat ta’ Ruma fil-25 ta’ Marzu 1957 li stabbilixxa l-Komunità Ekonomika Ewropea u li żviluppat f’dik li llum hi l-UE. Dan l-avveniment għandu jservi mhux biss ta’ ċelebrazzjoni imma jkun sforz sinċier u innovattiv biex il-UE tindirizza l-isfidi l-kbar li għandha u l-implikazzjonijiet ta’ dak li se jiġri fil-UE matul din is-sena, fosthom biex ir-Renju Unit joħroġ mill-UE u l-elezzjonijiet fl-Olanda, Franza u l-Ġermanja.

Huwa minnu li l-UE minħabba n-natura tagħha ta’ Unjoni ta’ pajjiżi differenti minn xulxin f’ħafna aspetti kultant iddum biex twieġeb għall-aspirazzjonijiet taċ-ċittadini tagħha. Fi kliem il-Prim Ministru Joseph Muscat fil-bidu tal-Presidenza, ħafna drabi jiġri li l-mexxejja tal-UE jagħtu tweġibiet għal mistoqsijiet li ċ-ċittadini ma jistaqsux.

Għall-Prim Ministru, it-tweġiba għall-isfidi mhux żgħar li għandha quddiemha l-UE jinsabu f’dak li jikkaratterizza din l-Unjoni: il-fattur soċjali. Dwar dan tkellem meta kien qed jindirizza l-Membri tal-Parlament Ewropew fit-18 ta’ Jannar, “Tassew, l-Ewropa Soċjali hija l-fattur distintiv tal-UE…u proprju għalhekk li rridu li dawn is-sitt xhur li ġejjin imexxu t-triq lejn it-tisħiħ ta’ dan l-ideal li għandu jagħti kontribut fil-mistoqsijiet reali li l-familji fil-kontinent tagħna qegħdin jistaqsu u fl-esperjenzi li jgħaddu minnhom kuljum…aħna kburin li qegħdin inpoġġu l-Ewropa Soċjali lura fuq l-aġenda… Nemmen bis-sħiħ li din id-dimensjoni, flimkien ma’ politiki li joħolqu t-tkabbir ekonomiku u t-tkattir ta’ impjiegi ta’ kwalità jista’ jagħti gwida ċara mhux biss lill-popli tagħna iżda wkoll lill-komunità globali li qed tfittex tmexxija progressiva.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend