“Ċans biex verament nagħmlu differenza” – JM – One News

Notifiki

“Ċans biex verament nagħmlu differenza” – JM

Qed ngħixu fi żmien eċitanti fejn għandna ċans biex verament inbiddlu l-affarijiet. Dawn kienu kliem il-Prim Ministru Joseph Muscat meta bid-diskors tiegħu fetaħ il-forum: The EU Neighbourhood : How to stabilise the Ring of Fire.

Il-forum mifrux fuq jumejn laqa’ diversi rappreżentati Ewropej flimkien, biex tkun indirizzata l-politika Mediterranja għall-migrazzjoni. Il-Prim Ministru Muscat qal li fi żmien tant kruċjali rridu niżguraw li dak deċiż bejn il-mexxeja Ewropej fuq suġġett fil-quċċata tal-aġenda tal-Presidenza Maltija, jkun implimentat biex nipprevjenu iktar sfidi Ewropej.

Fakkar li Malta kellha sfidi diffiċli minħabba l-influss ta’ immigranti, iżda xorta ma għalqitx il-bieb meta kien hemm bżonn li tilqa’ immigranti mil-Italja u l-Greċja. Il-Prim Ministru qal li l-Unjoni Ewropea għandha timplimenta d-deċiżjonijiet importanti li jittieħdu, fosthom il-possibiltà li jinħatar Kummissarju apposta, kif ippropona Muscat stess fi Brussell il-ġimgħa li għaddiet.

Enrico Letta, President tal-Istitut Jacques Delors li organizza l-forum, qal li suġġetti bħall-kontroll tal-fruntieri, sovranità u r-rilokazzjoni tal-immigranti fil-Mediterran jeħtieġ li jiġu indirizzati. Il-Kontinent jinsab fi żmien fejn l-integrazzjoni Ewropea qed tkun mhedda. Huwa stqarr li l-mexxejja Ewropej għandhom jużaw l-Unjoni Ewropea biex ikunu aktar viċin taċ-ċittadin.

Qal li din is-sena se tkun mimlija opportunitajiet biex naġġixxu dak kollu li qed jiġri madwarna, fosthom l-elezzjonijiet fi Franza u l-Ġermanja li se jimmarkaw kapitlu Ewropew importanti. Intant, Letta stqarr li issa l-mexxeja għandhom ċans ma jirreppetux żbalji li għamlu bejn l-2008 u l-2011 fi żmien il-kriżi finanzjarja fl-Ewropa, għaliex is-sitwazzjoni preżenti ma tippermettix li wieħed jindirizza l-fenomenu bħala ‘business as usual’.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend