BEZZINA JIVVINTA FL-APPLIKAZZJONI | One News

Notifiki

BEZZINA JIVVINTA FL-APPLIKAZZJONI

  • BIEX JIBNI ODZ ĦOLOQ KAMRA LI MA TIDHER IMKIEN

Id-deputat Nazzjonalista, Toni Bezzina kien kreattiv ħafna meta ġie biex japplika biex jibni fuq art ODZ bi mkejjen mgħarrfa sew dwar il-proċess tal-ippjanar spjegaw mal-gazzetta KullĦadd kif l-applikazzjoni tiegħu għandha xamma ta’ waħda frodulenti.

Biex Toni Bezzina seta’ jkollu ċans remot li jibni skont il-politika rurali tal-Awtorità tal-Ippjanar ried jipprova li xi darba fuq il-post kien hemm residenza ta’ mitt metru kwadru.

Minn tagħrif li ksibna jirriżulta li f’dak li kien kwartieri tas-suldati fi żmien l-Ingliżi, Toni Bezzina ma setax jipprova li kien hemm mibni mitt metru kwadru.

Iżda, fil-pjanta li ssottometta biex jgħid x’kien hemm fil-post qabel l-1956, il-mitt metru kwadru Bezzina rnexxielu jgħaqqadhom.

Fuq is-sit li kien se jixtri jekk kemm-il darba kien joħroġlu l-permess biex jibni, Bezzina ħoloq kamra ta’ 31 metru kwadru. Iżda, meta analizzajna r-ritratti tal-1957 u l-1967 deher biċ-ċar li fejn Bezzina mmarka l-kamra din ma kinitx teżisti.

Skont ir-ritratti antiki jidher li l-iktar li seta’ kien hemm kienu erba’ kmamar żgħar li Bezzina jsemmihom ukoll fl-applikazzjoni tiegħu. Waħda minnhom kien fiha tmien metri kwadri, l-oħra 22 metru kwadru u tnejn ta’ 29 metru kwadru. B’dawn l-erba’ kmamar żgħar, li llum huma bla forma, l-applikazzjoni ta’ Bezzina ma setgħet qatt tkun ikkunsidrata għax kien hemm bini ta’ 88 metru kwadru. Bini li Toni Bezzina argumenta li hu residenza għax xi darba fih kien jilqa’ s-suldati.

Kien għalhekk li magħha żdiedet kamra ta’ 31 metru kwadru li Bezzina pinġieha fil-pjanta iżda li fir-ritratti ma tidher ebda traċċa tagħha. Anke l-forma tagħha hija ta’ kollox minbarra ta’ kamra.  Kompla kien innutat kif filwaqt li fuq l-ewwel tliet kmamar daħal f’dettall liema bħalu fil-preżentazzjoni tiegħu lill-PA fuq ir-raba’ u l-ħames waħda (dik li wasslet biex kellu l-mitt metru) ma qal xejn. Prova oħra ta’ kemm din il-kamra ftit li xejn kienet teżisti.

Naturalment m’aħniex qed inħarsu lejn ir-ritratti tal-lum biex Bezzina jingħata l-benefiċċju tad-dubju. Għax ir-ritratti tal-lum huma iktar ċari kristall.

Perit ta’ esperjenza kbira li għen lil din il-gazzetta fl-analiżi tal-applikazzjoni fisser li kieku Bezzina ma nqabadx u rtira l-applikazzjoni, l-Awtorità tal-Ippjanar setgħet kienet imqarrqa minn dan il-fatt. “Naturalment mhux bilfors għax l-analiżi li qed nagħmlu aħna suppost kienet issir hemm ukoll. Però, l-intenzjonijiet kienu ċari,” qal il-Perit li tkellem magħna. Fisser kif f’każi bħal dawn ikun hemm ċans ħames snin biex wieħed jinduna u permess saħansitra jkun jista’ jiġi rtirat.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qed jiddefendi l-applikazzjoni ta’ Toni Bezzina billi jgħid li kollox kien regolari u skont il-liġi. Iżda dawn il-fatti li qed niżvelaw qed iġibu fix-xejn id-difiża ta’ Simon Busuttil li l-ħin kollu qed jisħaq li Toni Bezzina kien qed jaġixxi skont il-liġi u b’mod regolari.

Iktar minn problema waħda

Intant, anke jekk Bezzina kellu kollox regolari xorta waħda kien se jiffaċċja problemi oħra. Għax il-qerda ambjentali li ried jagħmel hu dehret inaċċetabbli mill-ewwel. Fejn kellu footprint ta’ ftit iktar minn 80 metru kwadru ried iżidu b’mod konsiderevoli.

Bl-Awtorità Maltija għall-Ambjent u r-Riżorsi tgħid li l-approvazzjoni tal-applikazzjoni toħloq preċedenti mhux mixtieqa għall-proposti tal-ġejjieni f’din iż-żona jew f’żona ODZ oħra li tista’ tirriżulta f’iktar art għal użu mhux ġustifikabbli u impatt fuq iż-żona u l-viżwal,” żiedet l-ERA.

“Fid-dawl ta’ dan kollu l-proposta hija meqjusa mhux aċċettabbli mil-lat ambjentali,” temmet tgħid l-ERA.

L-oġġezzjoni tal-ERA kienet issegwi tal-għaqda ambjentali Din l-Art Ħelwa li nnutat kif il-mod kif Toni Bezzina ppreżenta l-applikazzjoni kien wieħed oġġezzjonabbli u anke qarrieqi.

Ta’ QabelLi Jmiss
F’dan il-blog Aleander Balzan se jkun qiegħed jikteb ħsibijietu dwar temi differenti li jkunu għaddejjin f’pajjiżna; mill-politika għal temi soċjali u oħrajn kontroversjali. Min jaf lil Aleander jaf li huwa dritt għal punt u dak li għandek tistenna f'dan l-ispazju. Huwa gradwa fl-Istudji Ewropej, il-Komunikazzjoni u l-Politika mill-Università ta’ Malta

Send this to a friend