Alfred Sant jgħid li l-Ewropa ma tistax tkun aktar kattolika mill-Papa | One News

Notifiki

Alfred Sant jgħid li l-Ewropa ma tistax tkun aktar kattolika mill-Papa

L-applikazzjoni tal-Għajnuna tal-Istat (State Aid Rules) tal-Unjoni Ewropea fil-politika tat-tassazzjoni tirbaħ fuq is-sovranità li l-istati membri għad għandhom fit-tassazzjoni skont it-trattati.

Dawn ir-regoli jistgħu jgħinu biex jiġġieldu l-evitar tat-taxxa, iżda trid tkun imħarsa l-flessibilità li l-istati membri għad għandhom fit-tfassil tal-politika tat-tassazzjoni tagħhom.

Huwa ta’ tħassib li l-politika tal-kompetizzjoni tal-UE tkun amministrata minn aġenzija li tiddefenixxi din il-politika, tinvestiga u tiddeċiedi l-allegati abbużi  bil-poter li tiddeċiedi l-multi.

Dan qalu Alfred Sant, waqt li tkellem fuq ‘Ir-Rapport Annwali dwar il-Politika tal-Unjoni għall-Kompetizzjoni’ fil-Parlament Ewropew. Dr Sant enfasizza li r-regoli tal-kompetizzjoni, speċjalment dwar l-għajnuna tal-istat, ma għandhomx ikunu applikati fuq bażi ta’ ‘one-size-fits-all’.

“Qed tikber il-ħtieġa li nagħtu importanza lil sinjali ġodda ta’ prekawzjoni. Minħabba tibdil politiku u ekonomiku kontinwu fl-Ewropa u lil hinn minnha, il-politika tal-kompetizzjoni trid tibqa’ dejjem taħt skrutinju. Jekk l-Ewropa se tkun aktar kattolika mill-Papa, qed tissogra li titlef mill-kompetittivita` tagħha fuq skala globali.” saħaq Dr Sant.

Dr Sant qal li l-politika Ewropea tal-kompetizzjoni għandha tevita li tieħu dehra frontali ma’ amministrazzjonijiet oħra.

L-MEP Malti ssottometta 18-il emenda fir-Rapport dwar il-politika Ewropea tal-Kompetizzjoni.

L-emendi saru fil-kuntest li r-regoli tal-istat ikunu mfassla apposta fuq is-servizzi ta’ natura ekonomika ġenerali, li jinkludu wkoll il-konnettivita` u t-trasport fil-gżejjer tal-Unjoni Ewropea.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend