Daqqa għat-tama ta' Chetcuti li jirbaħ midalja fl-olimpjadi | One News

Notifiki

Daqqa għat-tama ta’ Chetcuti li jirbaħ midalja fl-olimpjadi

It-tamiet ta’ Malta li fi żmien qrib ikollha midalja fl-olimpjadi ħadu daqqa ta’ ħarta. Dan hekk kif l-isport tad-Double Trap mhux se jibqa’ fil-programm tal-Olimpjadi. Dan ifisser li x’aktarx l-isportiv Malti, William Chetcuti, li ħafna drabi kien l-iktar li jersaq qrib li jirbaħ il-midalja f’dan l-isport ma jkunx qed jikkompeti.

Dan wara deċiżjoni li ħadet l-International Shooting Sport Federation it-Tlieta, li tneħħi d-double trap mill-programm tal-Olimpjadi tal-2020, li se jkunu qed isiru fil-Ġappun.

Għal dawn l-aħħar ħmistax-il sena, Chetcuti, stabbilixxa ruħu bħala wieħed mill-aqwa sportivi minn madwar id-dinja f’din id-dixxiplina, hekk kif rebaħ żewġ midalji tad-deheb fil-World Cup filwaqt li rnexxielu jirbaħ ukoll midalji fil-Commonwealth and Mediterranean Games. Dawn ma kienux l-unika suċċessi għall-isportiv Malti hekk kif huwa rnexxielu jimpressjona bit-talent tiegħu f’din id-dixxiplina f’aktar kampjonati Internazzjonali u Ewropej. 

Dan ifisser li Chetcuti issa jrid jippratika dixxiplina oħra biex forsi jingħata ċ-ċans li jikkompeti fl-olimpjadi ta’ Tokyo.

Id-deċiżjoni tal-ISSF ittieħdet wara li l-uffiċjali minn madwar id-dinja ltaqgħu madwar mejda biex jivvotaw dwar dokument li tħejja mill-kumitat Internazzjonali tal-Olimpjadi li jinkludi dettalji dwar l-olimpjadi tal-2020.

Id-deċiżjoni li din id-dixxiplina ma tibqax fil-programm olimpiku ttieħdet abbażi l-ħidma tal-kumitat internazzjonali biex ikun hemm aktar ugwaljanza bejn is-sessi f’dawn il-kompetizzjonijiet sportivi. Filfatt, ma kienx id-Double Trap biss li spiċċa barra mil-lista, iżda anke il-50 metre rifle prone u l-50m Pistol Men. 

Din l-aħbar taffetwa anke liż-żgħazagħ promettenti Maltin, Nathan Lee Xuereb u Gianluca Chetcuti li ukoll jibrillaw f’din id-dixxiplina.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend