L-agħar Oppożizzjoni li qatt kellha Malta | One News

Notifiki

L-agħar Oppożizzjoni li qatt kellha Malta

Ma tridx tkun għaref wisq biex tinduna li din l-Oppożizzjoni hija l-agħar waħda u l-iktar giddieba li qatt kellu pajjiżna.  Oppożizzjoni li għandha Kap li ma jiddejjaq xejn jigdeb, jaqla’ x’xnijat u jħammeġ lill-avversarji tiegħu biex jipprova jieħu vantaġġ politiku.

Hija tal-mistħija li pajjiżna għandu Oppożizzjoni li qed taqa’ f’livell tant baxx li dejqet saħansitra lis-soċjetà inġenerali.  Oppożizzjoni li qed taġixxi b’dan il-mod għaliex m’għandha l-ebda politika aħjar x’toffri ħlief il-politika li ġġib il-firda. Politika li turi kemm il-Kap tal-Oppożizzjoni jinsab dahru mal-ħajt u ddisprat għall-poter.

Tal-mistħija li llum għandna Oppożizzjoni li tgħid ħaġa u tagħmel oħra. Oppożizzjoni li għandha Kap li jaqbeż għal ħażin u għal min m’huwiex korrett f’dak li jagħmel.  Kap tal-Oppożizzjoni li jipproteġi u jiddefendi lil min qed iħammeġ isem il-Partit tiegħu, isem Malta, u jiddefendi nies li jagħtuh storja fantażma fuq xiex jitkellem. Minflok li jiddefendi l-verità u jieħu passi kontra min jgħid ħaġa u jagħmel oħra, Simon Busuttil, jekk kemm il-darba tkun Nazzjonalist jaqbeż għalik u jiddefendik. Double standards…

Test wieħed wara l-ieħor, meta ġie għall-fatti, Busuttil falla u falla bil-kbir.

Ma ħa l-ebda passi kontra l-ebda deputat minn tiegħu li ssemmew bil-fatti fi skandli li qatt ma rajna bħalhom. Saħansittra ma ħa l-ebda passi kontra min ried b’qerq jibni f’żoni ODZ.

Busuttil wera kemm huwa dgħajjef anki fid-dimostrazzjonijiet li qed jorganizza u saħansittra wriena li lanqas l-Innu Malti ma jaf minkejja li jrid jurina kemm huwa patrijott. Kif ngħidu, trid titgħallem timxi qabel ma tiġri.

Busuttil qed ifalli bil-kbir minn kull aspett. Huwa giddieb u diżonest kemm miegħu nnifsu u kemm mal-poplu Malti. Komdu llum jigdeb fuq kullħadd imbgħad jgħid li ma jafx fuq xiex qed jitkellem meta jiġi mistoqsi wiċċ imb’wiċċ, bħal kif għamel fil-Qorti fil-konfront ta’ Keith Schembri iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru.

Busuttil qed jimxi b’sistema li hu jista’ jgħajjar, iweġġa’ u jigdeb fuq min irid iżda meta tieqaflu, bil-mezzi li tagħtik il-liġi,  jibda jgħajrek u jheddek li qed timmina d-demokrazija u l-libertà tal-espressjoni. Sintomi nkwetanti u li juru li dan il-persuna ma jista’ jkun qatt kapaċi li jmexxi pajjiż.

Forsi Busuttil qed jieħu din l-atitudni għax jaf li lanqas in-nies ta’ madwaru ma jriduh. Jaf li anki l-Viċi Kap tiegħu stess ma bediex jitkellem dan l-aħħar u għalhekk lil Busuttil kellha tidħol għalih il-hate blogger li kellha toqros lill-Viċi Kap Mario Demarco biex forsi jibda jiftaħ ħalqu. Ċar ħafna li Busuttil għandu bżonn nies li jinstigaw lin-nies tiegħu stess biex jibdew juruh appoġġ u Busuttil komdu b’nies madwaru li ma jirriflettux dak li hu Malti iżda nies b’imnieħerhom imxammar u li jiddejqu saħansittra jieklu u jaqbdu pastizz b’idejhom.

M’hemmx xi ngħidu, dawn huma n-Nazzjonalisti li dejjem riedu l-PN ikun partit tas-sinjuri. Partit li jaħseb għall-kbir u mhux għaż-żghir. PN li lest li lilek jgħarmik wara li jkun ħadlek il-vot tiegħek.

Żgur li min-naħa ta’ dan il-Gvern, id-direzzjoni hija li nibqgħu ffokati biex il-Poplu Malti kollu jibqa’ jgawdi l-frott u l-għaqal ta’ dan il-Gvern.  L-interess ewlieni huwa li nipproteġu s-sewwa u naqbżu u niddefendu s-sewwa. F’din l-aħħar sena dan il-Gvern għandu rwol importanti ieħor x’jgħamel, dak li ma jħallix lill-poplu Malti jiġi ngannat mil-Oppożizzjoni li tant tagħtu bis-sieq meta għal 25 sena kienet fil-poter.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend