Meta kulħadd sar Imħallef! – One News

Notifiki

Meta kulħadd sar Imħallef!

Ingħatat sentenza tal-Qorti u dlonk beda d-dibattitu online u fit-toroq. Ħafna qablu li piena ta’ ħames snin priġunerija għal mara ta’ 34 sena li tajret żewġ anzjani – wieħed miet u l-oħra baqgħet diżabbli – kienet kiefra wisq. F’sekonda waħda n-numru ta’ ġudikanti f’pajjiżna żdied bil-mijiet. Kulħadd kellu ġudizzju fuq is-sentenza: xi ħaġa xi jgħid jew petizzjoni x’jiffirma.

Issa, biex inkun ċar kristall, jiena wieħed minn dawk li nemmen li b’sentenza bħal din is-soċjetà ma tieħu xejn. Li tikkastiga omm ta’ tifla ta’ tnax-il sena, li bl-ebda mod ma tista’ ssejħilha kriminal, tmur il-ħabs żgur ma tkun għamilt ebda ġid.

Però huma vojta l-kummenti u l-attakki fil-konfront tal-qrati Maltin speċjalment minn fomm min għandu injoranza tas-sistema. Espert m’iniex u qabel ktibt tkellimt ma’ min jifhem. Kien spjegat li l-Qorti kellha idejha marbuta b’liġi li kienet emendata wara l-famuż inċident ta’ Ħaż-Żebbuġ fejn mietu ħames żgħażagħ.

Dakinhar donnu kulħadd qabel li jekk wieħed ikun responsabbli li jweġġa’ jew joqtol iktar minn persuna waħda bis-sewqan jaffaċċja piena aktar ħarxa. Issa, għax iċ-ċirkostanzi tal-persuna involuta fil-każ huma differenti, jidher li s-soċjetà qed tagħmel raġunament ieħor. Iżda sa fejn naf jien il-liġi lejn il-mertu taċ-ċirkostanzi fil-każ trid tħares u mhux lejn l-uċuħ.

Però niffrustra iktar ruħi meta niftakar xi nkiteb wara li l-Maġistrat Joe Mifsud ta sentenza ftit xhur ilu b’rabta ma’ każ fejn sewwieq ta’ mutur safa vittma ta’ inċident fatali f’Ħ’Attard. Hemm il-ħtija tal-inċident inqasmet. Skont l-artiklu tal-liġi li kienet qed issir l-akkuża bih fil-konfront tas-sewwieq tal-karozza li baqa’ ħaj, il-Qorti kellha għażla differenti minn bilfors ħabs effettiv. Fil-fatt il-Maġistrat ta 400 siegħa (il-massimu) ta’ xogħol fil-komunità. Dakinhar ukoll il-Qorti kienet ikkritikata u msejħa taċ-ċajt.

Mela qed naraw kif f’żewġ każi differenti b’sentenzi differenti, l-Qorti qalgħatha mill-maġġoranza tan-nies.

F’dan l-aħħar każ li għandna quddiemna nemmen li kollox iħoll u jorbot fuq x’ser jgħidu x-xhieda li se jkunu qed jitkellmu għall-ewwel darba ħames snin mill-każ. Jekk jirriżulta li l-għalliema ma kellhiex tort allura tingħata l-ħelsien u tkompli b’ħajjitha; ħajja li skont dawk li tkellmu dwarha għax jafuha hija waħda mill-aktar eżemplari.

Jekk min-naħa l-oħra tibqa’ tinstab il-ħtija, allura hawnhekk il-pajjiż irid jirrifletti sew jekk din il-liġi għandhiex tkun emendata darba għal dejjem.

Però rridu nifhmu x’qed ngħidu. Inkunu qed ngħidu li min joqtol jew iweġġa’ serjament bl-arma li jisimha karozza, mhux se jħallas piena ta’ priġunerija.

Ngħid għalija sakemm l-akkużat ma jkollux xi storja ta’ abbuż ta’ sewqan perikoluż jew abbużiv, naqbel li jsir hekk u minflok il-piena tkun xogħol fil-komunità fejn il-massimu jkun ferm iktar minn 400 siegħa.

Dan hu d-dibattitu li jrid isir bi ħsieb u b’għaqal. Il-ġudikant u l-leġislatur għandhom jibqgħu jgħarblu l-liġijiet b’mod li jagħmlu l-aktar sens għas-soċjetà. U ma jkunux influwenzati wisq mill-fatt li f’daqqa waħda kulħadd sar imħallef.

Ritratt: Wieħed mill-inċidenti li jissemma fl-artiklu, dak li ħalla sewwieq ta’ mutur mejjet.

Ta’ QabelLi Jmiss
F’dan il-blog Aleander Balzan se jkun qiegħed jikteb ħsibijietu dwar temi differenti li jkunu għaddejjin f’pajjiżna; mill-politika għal temi soċjali u oħrajn kontroversjali. Min jaf lil Aleander jaf li huwa dritt għal punt u dak li għandek tistenna f'dan l-ispazju. Huwa gradwa fl-Istudji Ewropej, il-Komunikazzjoni u l-Politika mill-Università ta’ Malta

3 Comments

  1. Irridu naghmlu distinzjoni cara bejn persuna hatja u persuna innocenti.

    F’dan il-kaz, l-akkuzata giet misjuba HATJA ta’ qtil involontarju. Dan ifisser li l-akkuzata kkawzat il-qtil ta’ persuna u d-danni permanenti ta’ persuna ohra mhux b’mod volontarju, ghax kienet taf min huma u riedet toqtolhom, izda kawza ta’ negligenza jew nuqqas ta’ hsieb. Ghaldaqstant xorta hija HATJA.

    Il-Qorti tista’ tiddetermina jekk akkuzat huwiex HATI jew INNOCENTI. F’dan il-kaz, li kieku l-persuni involuti fl-incident li sofrew danni kellhom htija fl-incident, u allura ma kienx tort tax-xufier li dawn mietu, l-akkuzata kienet tkun misjuba INNOCENTI, u ghalhekk ma tehel l-ebda piena. Aktar minn hekk, l-istess akkuzata, f’dan il-kaz ix-xufiera, kienet tkun tista’ titlob ghad-danni li sofriet fil-vettura taghha u anki danni medici.

    Mid-depozizzjoni rrizulta li l-akkuzata qalet verzjonijiet li skont l-esperti mqabbda mill-Qorti, ma jirrizultawx mal-verita’, fosthom li kienet qed issuq bil-50km fis-siegha (minhabba l-hsara li kien hemm fuq il-vettura).

    Ghaldaqstant, nahseb ikun ghaqli minn kulhadd li l-ewwel jevalwaw dak kollu li ntqal u l-fatti kif inhuma, qabel jiehdu decizjoni u jikkundannaw il-Ligi u l-Qorti ta’ Malta.

  2. wiehed irid jipprova jifhem ghaliex mara li tajret u qatlet anzjan wehlet 5 snin u guvni li qatel 2 anzjani wehel 4000ewro u sentenza sospiza. Kazijiet simili b konkluzjoni differenti.

    1. Is-similarita’ tal-kaz ma taghmilx obbligu tal-istess piena jew kundanna. Wiehed irid jevalwa kull kaz b’mod separat ghaliex id-dettalji jaghmlu d-differenza. M’ghandniex is-sistema Ingliza tal-precedent, izda ghandna sistema ta’ Ligi miktuba.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend