"Ir-regoli taż-żona ewro jagħtu vantaġġ lil pajjiżi aktar b'saħħithom" – Alfred Sant | One News

Notifiki

“Ir-regoli taż-żona ewro jagħtu vantaġġ lil pajjiżi aktar b’saħħithom” – Alfred Sant

Ir-regoli taż-żona ewro awtomatikament jagħtu vantaġġ lill-pajjiżi l-aktar b’saħħithom tal-UE bi skaptu tal-pajjiżi inqas b’saħħithom. Dan qalu l-MPE Alfred Sant fl-indirizz tiegħu fil-Parlament Ewropew.

Il-problema fundamentali taż-żona ewro hija n-nuqqas ta’ rieda politika li l-ewwel nett jingħarfu li qed jiżdiedu d-diverġenzi, imbagħad li dawn jiġu kkoreġuti bi ftehim politiku ġdid. Dr Sant qal dan waqt l-ispjega tal-vot tiegħu kontra r-rapport “Il-Futur tal-UE – Kapaċita` Baġitarja Għaż-Żona Ewro”.

Ir-rapport ma għamel ebda riferenza favur rieda politika ġdida favur it-tneħħija tad-diverġenzi ekonomiċi eżistenti bejn iċ-ċentru tal-Ewropa u l-pajjiżi fil-periferija.

Il-problema fundamentali, qal Dr Sant, mhux il-qafas taż-żona ewro, anki jekk dan xorta waħda għandu jiġi kkunsidrat. Id-diverġenzi bejn il-pajjiżi l-kbar tal-Ewro u l-pajjiżi fil-periferija tal-Ewropa qed ikomplu jikbru, minħabba żvilupp mgħaġġel wisq u strett tal-proġett tal-ewro. L-iżvilupp qed jirkeb fuq dahar is-‘soft power’ tal-Unjoni u ma jikkunsidrax l-impatt tal-globalizzazzjoni. Dr Sant qal li sitwazzjoni bħal din tista’ tiġi kkoreġuta biss b’azzjoni politika u mhux permezz ta’ regoli ġodda fis-sistema.

“Għandi kull rispett lejn il-kompetenzi u d-dedikazzjoni tar-‘rapporteurs’. Iżda nikkunsidra l-eżerċizzju li wettqu biex jiddefinixxu l-parametri tal-kapaċita` baġitarja għaż-żona ewro, teknikament interessanti imma politikament prematuri.

“Minkejja li teknikament huma interessanti, iż-żidied fil-kapaċita` baġitarja proposti, fl-assenza ta’ ftehim politiku ġdid, se jservu biex iżidu d-diverġenzi u mhux biex inaqqsuhom,. Sfortunatament l-eżerċizzju attwali jsarraf f’wieħed fejn il-karru tqiegħed qabel il-bhima. Ma nistax naqbel ma’ dan!” qal Dr Sant.

Wara d-dibattitu dwar il-kapaċita` baġitarja għaż-żona ewro ttieħed vot li għadda b’340 vot favur, 255 kontra u 68 astenzjoni.

“Bil-proposti ġodda għaż-żona Ewro id-diverġenzi bejn il-pajjiżi l-kbar u dawk dgħajfa se jkomplu jiżdiedu, mhux jonqsu,” temm jgħid il-MPE Sant.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend