IT-TIELET F’SIEGĦA – One News

Notifiki

IT-TIELET F’SIEGĦA

  • MALTA MAL-IKTAR TLIET PAJJIŻI PARTEĊIPI FL-HOUR OF CODE
  • PROGRAMM EDUKATTIV FIL-QASAM TAT-TEKNOLOĠIJA TAL-INFORMATIKA

Kulħadd jista’ jipprogramma. Messaġġ li donnu qiegħed jasal sew għaliex pajjiżna ġie kklassifikat fit-tielet post minn fost 20 pajjiż li jieħdu sehem fil-programm Hour of Code. Programm li jgħin persuni jifhmu aħjar id-dinja diġitali u li jkollhom kontroll aħjar tagħha.

Fil-fatt Hour of Code huwa moviment globali li qed jasal għand miljuni ta’ studenti ġejjin minn aktar minn 180 pajjiż u Malta ilha tieħu sehem fih fuq skala nazzjonali għal dawn l-aħħar sentejn.

Sentejn li waslu biex ksibna suċċess. Tant li kien hemm biss żewġ pajjiżi li għaddew lill-pajjiżna f’dik li hi parteċipazzjoni u attivitajiet meta mqabbel mad-daqs tal-popolazzjoni. Dawn kienu r-Russja fit-tieni post u l-Italja fl-ewwel post.

Permezz t’attivitajiet mifruxa fuq ġimgħa, l-istudenti jiffamiljarizzaw ma’ kif tinħoloq xi tip ta’ logħba u b’hekk iqarrbu lejn ix-xjenza tal-kompjuter. L-enfasi huwa fuq il-kodiċi, u l-istudenti jridu jwettqu l-eżerċizzji fuqhom.

Mal-gazzetta KullĦadd, James Catania, uffiċjal edukattiv għall-informatika u t-teknoloġija fi ħdan id-dipartiment tal-Edukazzjoni spjega kif bid-differenza minn snin preċedenti, Hour of Code qed isir fuq skala nazzjonali b’tali mod li jintlaħaq kull student.

“Mis-sena l-oħra Hour of Code beda jsir fuq skala nazzjonali. Bħala eżerċizzju Hour of Code kien ilu jsir imma kien isir biss fuq inizjattiva t’għalliema tal-informatika. Li ridna nagħmlu hu li peress li l-ħiliet diġitali saru xi ħaġa importanti għal kulħadd, iddeċidejna li naqbdu l-avvenimenti tal-Hour of Code li dejjem jaqa’ taħt is-suġġett tal-kompjuter u ridt nespandih iżjed. Fl-2015 kellna l-ewwel Hour of Code nazzjonali u kellna rispons tajjeb ħafna u s-sena li għaddiet saħħaħna iktar.”

Catania stqarr li hemm preparamenti kbar mhux biss mill-aspett loġistiku iżda wkoll biex l-għalliema jiffamiljarizzaw mat-tagħlim li l-għalliema jridu jagħtu lill-istudenti.

“Hu avveniment nazzjonali, tista’ timmaġina l-loġistika li jkun hemm fin-nofs. Inkellmu lill-għalliema, inħarrġuhom, nagħtuhom riżorsi biex jaħdmu u naraw li jkunu kontinwament aġġornati x’qed jiġri matul is-sena. Hour of Code isir f’Diċembru, fil-verità jista’ jsir is-sena kollha, però l-avveniment internazzjonali jsir f’Diċembru allura s-sehem ta’ Malta jkun dik il-ġimgħa.”

Hour of Code mill-Kindergarten

Kollox idur mal-kodiċi fejn it-tfal jesperjenzaw kif jipprogrammaw l-ewwel darba biex joħolqu xi logħba. Kollox skont il-livell ta’ ħila. James Catania stqarr li tant saret importanti d-dinja diġitali li f’pajjiżna l-programm Hour of Code isir ukoll fost it-tfal li huma fil-kindergarten.

“Malta hija wieħed mill-ftit pajjiżi li għandu l-Hour of Code mill-kindergarten. Lit-tfal tal-kindergarten nagħtuhom eżerċizzji filwaqt li l-għalliema nagħtuhom riżorsi neċessarji u anke joħolquhom huma biex it-tfal jipprogrammaw. It-tfal bażikament ikollhom eżerċizzji biex isolvu problema speċifika ħafna,” spjega Catania.

Il-programmi tal-Hour of Code jitqassmu, fil-kindergarten, fil-primarja u fis-sekondarja, bil-maġġoranza tal-attivitajiet isiru fis-sekondarja. “Fis-sekondarja, mod faċli biex nilħqu kull student hu billi dik il-ġimgħa l-lezzjoni tat-teknoloġija u l-informatika tkun riservata kompletament għall-Hour of Code. Fil-primarja mbagħad hija ftit iktar diffiċli imma xorta waħda jkollna rispons tajjeb,” stqarr Catania.

Fil-bidu l-eżerċizzju tal-Hour of Code kien idumbiss siegħa. Illum il-ġurnata hemm eżerċizzji li ddum ġimgħa tagħmilhom jew ħames minuti.

Ir-rispons tal-għalliema u studenti kien fattur li wassal biex pajjiżna jikseb riżultat tajjeb ħafna. Mal-Kullħadd James Catania stqarr li l-akbar interess huwa fost l-għalliema tal-primarja u dan għaliex it-taħriġ dwar il-kodiċi jasal għand l-istudenti bi stil ta’ logħba. Fil-każ tas-sekondarja għal Catania hu li hemm ftit ħin disponibbli u għaldaqstant hemm iżjed xogħol xi jsir biex Hour of Code jintegra aħjar fit-tagħlim. “Fil-primarja jekk l-għalliema tiddeċiedi li tagħmel ġurnata sħiħa Hour of Code din tista’ ssir. Fis-sekondarja mbagħad hu pjuttost diffiċli li jsir hekk għax għandek 40 minuta lezzjoni u jrid isir f’dik l-40 minuta,” fisser Catania.

“Pajjiżna huwa fost l-iktar pajjiż li jieħu l-Hour of Code bis-serjetà. Fil-fatt kważi f’kull skola f’Malta u f’Għawdex isiru coding clubs li jiltaqgħu fil-breaks. Jiġifieri għal min ikun irid ikun jista’ jitgħallem il-programming f’iktar dettall mal-għalliema. Barra minn dan kellna avveniment il-Belt Valletta u konna introduċejna l-Hour of Code mal-pubbliku. Dak hu l-ħsieb tagħna issa, li noħorġu mis-sistema edukattiva stretta tagħna u nwasslu l-programming għand il-pubbliku kollu. Illum il-ġurnata l-programming daħal sew fir-rutina ta’ kull persuna u nemmnu li l-coding huwa ħila importanti biex dak li jkun isir ċittadin diġitali tajjeb,” temm jgħid Catania.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend