KBARAT IMĊEKKNA FIL-KONKATIDRAL TA’ SAN ĠWANN – One News

Notifiki

KBARAT IMĊEKKNA FIL-KONKATIDRAL TA’ SAN ĠWANN

Li tkun il-kuratur tal-Konkatidral ta’ San Ġwann huwa unur minnu nnifsu. Iżda għal Cynthia Deġiorġio, li għandha dan l-irwol, jiem bħat-3 ta’ Frar li għadda jżidulha l-preġju tax-xogħol tagħha.

Dakinhar żaru l-Konkatidral ta’ San Ġwann it-28 mexxej tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea li kienu f’pajjiżna għall-Malta Summit. Summit informali li wassal biex il-mexxejja għall-ewwel darba qablu fuq tip ta’ politika ta’ kif għandha tkun indirizzata l-isfida tal-immigrazzjoni fiċ-ċentru tal-Mediterran.

Miż-żjara li għamlu fil-Konkatidral rajna biss ritratti u filmati li waslu biex ħafna staqsew x’qalu l-mexxejja dwar ir-rikkezza tal-Konkatidral u dwar l-istorja ta’ pajjiżna u fuq kollox dwar il-kapulavur tal-pittura ta’ Caravaggio.

Ridna naqtgħu il-kurżità u għaldaqstant il-gazzetta KullĦadd mal-kuratur tal-Konkatidral ta’ San Ġwann Cynthia Degiorgio li dakinhar ħadet ħsieb li ddawwarhom mal-Konkatidral.

Ilha 11-il sena tokkupa din il-kariga u qatt ma basret li xi darba quddiemha se jkollha 28 kap ta’ stat. Kapijiet ta’ stati li ġeneralment ikollhom ħafna xi jgħidu meta jiltaqgħu però għal ftit ħin donnu belgħu lsienhom quddiem l-arti barokka tal-Konkatidral.

“Meta daħlu kienu jidhru mal-ewwel impressjonati bir-rikezza ta’ San Ġwann. Bdew iħarsu lejn il-ħitan u bdew anke jikkummentaw fuq l-ammont ta’ deheb. Bdejt nisma kliem bħal ‘tremendous’, ‘wonderful’ u ‘beautiful’ stqarret Degiorgio mal-gazzetta Kullħadd.

Il-mexxejja kienu iżjed impressjonati meta indunaw li kienu f’post li huwa parti mill-għeruq ta’ għaqda Ewropea.

“Bdejt niddeskrivilhom l-istorja tal-Konkatidral ta’ San Ġwann u dwar it-tmien kappelli li jirrappreżentaw sezzjoni mill-Ewropa jiġifieri bħall-kappella tal-Ġermanja, ta’ Spanja, tal-Italja u hemmhekk kiber iżjed l-interess. Għedtilhom li hawnhekk fil-Konkatidral hawn l-Ewropa rrappreżentata u dwar il-fatt li huwa l-unika bini fid-dinja li hemm dik ir-rappreżentanza fiżika tal-Ewropa. Dak l-aspett ġibdilhom l-attenzjoni. Anke kien hemm min beda jieħu interess biex ikun jaf dwar il-kappella tal-pajjiż tiegħu u ried ikun jaf fejn qiegħda,” spjegat Cynthia Degiorgio.

Degiorgio stħajlithom grupp ta’ studenti waqt xi ħarġa kulturali. U waqt din il-ħarġa kulturali dejjem ikun hemm dak l-istudent li juri interess iżjed mill-oħrajn. Il-Kanċillier Ġermaniża Angela Merkel spikkat minn fost il-mexxejja u għal raġuni partikolari.

“L-iktar waħda li ħadet interess kienet il-Kanċillier Ġermaniża Angela Merkel għax kienet ġiet waqt żjara statali fl-2011. Dakinhar konna dħalna eżatt fil-kappella li qegħdin fiha bħalissa, il-kappella Ġermaniża. Dak iż-żmien ma kinitx għadha rrestawrata. Kont għedtila li l-Fondazzjoni dejjem għandha bżonn il-flus biex tagħmel ir-restawr. Sena wara, bl-intervent tagħha konna rċevejna kważi mitt elf ewro għar-restawr fuq il-pitturi u d-deheb. Waqt iż-żjara qaltli, ‘nixtieq naraha l-kappella’ u eventwalment rat il-kappella Ġermaniża lesta.”

Minbarra Angela Merkel kien hemm mexxejja oħra li ħadu interess. Kien hemm min ma nissilx kelma u qagħad jisma’ b’attenzjoni kbira u oħrajn ħarbu mill-grupp biex jaraw il-parti ta’ pajjiżhom.

Min kienu?

“Il-Prim Ministru Ingliż Theresa May bdejt naraha xxengel rasha b’sens ta’ apprezzament lejn dak li hu Ewropew, anke jekk ir-Renju Unit iddeċieda li joħroġ mill-Unjoni Ewropea. Kien hemm il-President Hollande li ried jara l-kappelli ta’ Franza. Fl-aħħar żgiċċa naqra biex jara l-kappelli. Deher impressjonat ħafna. Beda jitkellem bil-Franċiż. Ma fhimtx eżatt x’qal imma deher sodisfatt ħafna. Deher kburi li l-kappelli kienu miżmumin daqshekk tajjeb,” qalet il-kuratur.

“Malli dħalna fl-oratorju kienu impressjonati ħafna bil-pittura ta’ Caravaggio. Meta bdejt nispjegalhom is-simboliżmu fil-pittura, is-sofferenza umana u l-inġustizzja, dehru jitkellmu bejniethom. Ovvjament l-immigrazzjoni huwa suġġett prominenti tal-Unjoni bħalissa.”

Caravaggio kien ħarab minn Ruma wara li qatel persuna. Sab refuġju f’pajjiżna u saħansitra ngħata ażil. Wara pajjiżna Caravaggio mar Sqallija u warajh ħalla għadd ta’ pitturi fosthom il-pittura tal-martirju ta’ San Ġwann. Pittura li fiż-żmien li tpittret kienet meqjusa bħala l-pittura tas-seklu.

Lill-mexxejja tal-Istati Membri, Degiorgio qaltilhom li l-pittura tibqa’ ta’ kull seklu għaliex tirrappreżenta s-sofferenzi umani li jgħaddi kemm jgħaddi ż-żmien jibqgħu. Spjegazzjoni li saret fl-isfond li kienu f’pajjiżna biex jiddiskutu modi ta’ kif jistgħu jsalvaw l-ħajjiet ta’ dawk li jippruvaw jaqsmu lejn l-Ewropa.

Aspett li l-mexxejja fehmu aħjar fis-simboliżmu ta’ pittura li tmur lura għas-seklu 17.

“L-istorja dejjem tirrepeti ruħha. Kienu quddiem pittura daqshekk famuża li fiha għandha dawk l-elementi li tant huma prezzjużi għall-Unjoni Ewropea,” qalet il-kuratur.

F’dan is-sens Cynthia Degiorgio rat ċerti similaritajiet bejn l-Ordni u l-Unjoni Ewropea, it-tnejn kellhom interessi simili.

“L-Ordni ta’ San Ġwann ġiet mill-Ewropa mill-pajjiżi l-iktar importanti ta’ dak iż-żmien u ngħaqdu flimkien biex jissalvagwardjaw l-interessi tal-Ewropa. Veru li l-Ordni kellha l-aspett tar-reliġjon imma kien hemm l-element politiku u ekonomiku wkoll,” qalet Degiorgio.

Kienu għaxar minuti li Degiorgio ħassithom li għaddew malajr. Madanakollu, kienu biżżejjed biex ir-rikezzi ta’ pajjiżna servew ta’ spunt biex il-mexxejja Ewropej jifhmu l-proġett Ewropew u għalfejn missirijietna dejjem ħassew il-ħtieġa li jkunu magħquda.

Il-kuratur Cynthia Degiorgio temmen li l-Konkatidral ta’ San Ġwann serva ta’ monument għal xi tfisser għaqda Ewropea. Għaqda li tħalli l-aqwa legat għall-ġenerazzjonijiet futuri.

“Għall-mument anke qishom daħlu f’qoxrithom meta raw is-simboliżmu tal-Caravaggio kemm fil-fatt għadu reali. Kollha qishom qagħdu kwieti u stajt nara f’wiċċhom li ħadu l-ispjegazzjoni b’ċertu serjetà,” stqarret Degiorgio.

Fl-isfond li l-belt kapitali qed tospita l-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u li s-sena d-dieħla se tkun inkurunata bħala l-belt kapitali Ewropea għall-kultura, il-Fondazzjoni Konkatidral ta’ San Ġwann qed tipprepara biex timplimenta proġetti li se jagħtu spinta ġdida lill-Konkatidral ta’ San Ġwann.

L-ikbar proġett għall-Fondazzjoni huwa l-mużew il-ġdid. Dan wara li s-sena li għaddiet l-Awtorità tal-Ippjanar ħarġet il-permess għall-estensjoni. Il-mużew diġà huwa magħluq biex fix-xhur li ġejjin jibda x-xogħol ta’ żarmar biex imbagħad ikunu esposti l-arazzi li ġew restawrati bi spiża ta’ miljun ewro.

Il-mużew se jinkludi wkoll iċ-ċentru ta’ Caravaggio, ċentru li se jkun interattiv li permezz tiegħu l-viżitaturi jqarrbu iktar lejn il-pittura tal-qtugħ ta’ San Ġwann li sfortunatament sal-lum ikollhom jarawha mill-bogħod minħabba li tinsab wara l-artal tal-Konkatidral kif ukoll minħabba l-valur storiku tagħha. Iċ-ċentru interattiv se jesponi d-dettalji kollha tal-pittura, fosthom il-firma ta’ Caravaggio. Filfatt il-pittura hija l-unika waħda li Caravaggio ffirma. Fattur li Cynthia Degiorgio qalet li kien hemm mexxejja li esprimew ix-xewqa li jaraw il-firma ta’ pittur b’fama mondjali. Min jaf, forsi tkun okkażjoni oħra fejn ikollhom iċ-ċans jaraw il-firma ta’ Caravaggio.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend