Minflok Joseph Muscat u Tony Zarb kont immur jien! | One News

Notifiki

Minflok Joseph Muscat u Tony Zarb kont immur jien!

L-aħħar spin tal-Partit Nazzjonalista lanqas jitwemmen. Irid ibellagħha li l-liġi li tneħħi l-libelli kriminali minn fuq il-ġurnalisti trid tagħmel xi sarima ma’ ħalq dawk li jikkummentaw online.  Mhu veru xejn. Nista’ nagħti biss eżempju prattiku ta’ x’jiġri bil-liġi l-ġdida.

Fl-2014 xandarna storja dwar Victor Scerri u l-aġir tiegħu f’logħba futbol. Scerri ħass li dak li xandarna aħna kien libelluż u beda proċeduri legali li għadhom għaddejjin.

Ġara li dak li xandarna f’ONE NEWS kien ippubblikat ukoll fil-maltastar.com. Scerri ma kienx kuntent li llibella lili bħala editur tal-istazzjon, ried jillibella wkoll lill-maltastar.

Iżda, il-maltastar.com ma kelliex editur reġistrat għax kawża tal-liġi antika l-online ma kienx qed ikun irreġistrat. Scerri ma qalx li l-internet ‘free world’ u għalhekk kulħadd għandu jagħmel li jrid. Qabad u llibella lil Joseph Muscat, dak iż-żmien Prim Ministru u żgur li ma kienx konxju ta’ xi tkun qed ittella’ l-maltastar.com minn ħin għal ħin. Ħaseb li bħala mexxej tal-Partit Laburista hu l-eqreb tal-maltastar u tellgħu l-Qorti dwar ħaġa li ma kellu xejn x’jaqsam magħha. Issa jekk din mhix sitwazzjoni redikola, għiduli x’inhi?

Hemm istanzi oħra. L-istess ġara bl-inewsmalta.com.

F’libell kontra l-inewsmalta ma kienx possibbli wieħed jipprova min hu l-editur u għalhekk tħarrek Tony Zarb bħala Segretarju Ġenerali tal-General Workers Union. Anke jekk l-inewsmalta hi tal-General Workers Union, Zarb żgur ma kienx qed itella’ l-artikli hu. Fil-fatt qatt ma ssejjaħ Zarb meta l-libelli kienu kontra l-Orizzont. Għax l-Orizzont għandha editur reġistrat bħal f’dinja demokratika fejn id-drittijiet tal-midja jġibu magħhom dmirijiet.

Meta ssejjaħ Żarb ħadd ma qal li ma kellux jissejjaħ għax l-internet ‘free world’ u kulħadd jista’ jikteb li jrid. Zarb mar il-Qorti ta’ xi ħaġa li ma kienx jaf li nkitbet qabel raha online.

Mela bil-liġi l-ġdida x’se jiġri? Jiġri li kulħadd jista’ jikkummenta kemm u kif irid. Kulħadd jista’ jkollu liema blog u paġna Facebook li jrid mingħajr ma jirreġistra. Iżda, jekk hemm sit tal-aħbarijiet serju bħal Times Of Malta jew one.com.mt irid ikun reġistrat bħal mhi rreġistrata l-midja kollha.

Fi kliem iktar sempliċi minflok Tony Zarb jew Joseph Muscat il-Qorti kien imur l-editur responsabbli dak iż-żmien. Kieku kont jien, kont immur jien!

Saviour Balzan ifakkar kemm il-ħabib ta’ Simon Busuttil u avukat tal-PN, Peter Fenech, ried jipprova li Matthew Vella huwa editur tal-Malta Today online. X’ipokrezija!

Ta’ QabelLi Jmiss
F’dan il-blog Aleander Balzan se jkun qiegħed jikteb ħsibijietu dwar temi differenti li jkunu għaddejjin f’pajjiżna; mill-politika għal temi soċjali u oħrajn kontroversjali. Min jaf lil Aleander jaf li huwa dritt għal punt u dak li għandek tistenna f'dan l-ispazju. Huwa gradwa fl-Istudji Ewropej, il-Komunikazzjoni u l-Politika mill-Università ta’ Malta

Send this to a friend