Ftehim ġdid ma’ Xewkija Tigers immirat biex tisseddaq l-inklużjoni fl-isport – One News

Notifiki

Ftehim ġdid ma’ Xewkija Tigers immirat biex tisseddaq l-inklużjoni fl-isport

Dalgħodu waqt żjara fil-grawnd ta’ Xewkija Tigers FC, is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana flimkien mad-diriġenti tal-klabb tal-ogħla diviżjoni f’Għawdex, u fil-preżenza tal-uffiċjali u atleti ta’ Special Olympics Gozo ħabbret ftehim ġdid mal-istess Xewkija Tigers.

“Dan il-ftehim huwa mmirat biex tisseddaq l-inklużjoni fi spirtu sportiv għal kulhadd. Xewkija Tigers iħaddnu l-inklużjoni fil-veru sens tal-kelma għax għandhom membru tagħhom li, minkejja d-diżabità tiegħu, huwa wkoll membru promettenti ta’ Special Olympics Gozo,” qaket Dr Justyne Caruana. Kien għalhekk li s-Segretarjat Parlamentari mbarka fuq dan il-proġett biex iktar entitajiet sportivi jkunu iżjed inklussivi u jilqgħu fi ħdanhom persuni b’diżabilita’ fuq livell parteċipattiv u professjonali.

Dr Justyne Caruana qalet li l-fatt li ser ikun hemm logos favur l-inklussività kemm fuq l-ilbies uffiċjali kif ukoll fil-grawnd ser ikompli jwassal messaġġ b’saħħtu u eventwalment ukoll ikun hemm titjib fil-faċilitajiet sportivi biex ikunu iktar aċċessibbli.  “Irridu nwasslu l-messaġġ b’kull mezz li l-aċċessibilità hija l-qofol ta’ soċjetà ġusta fejn l-isport huwa mezz effikaċi ħafna biex ninkludu lil kulħadd fl-attivitajiet tal-komunità,” saħqet Justyne Caruana. Hija faħħret lil Xewkija Tigers għal dan l-impenn u awgurat li l-kollaborazzjoni li nibtet b’dan il-ftehim tkompli tikber u tissaħħaħ.  Irringrazzjathom ukoll talli minn issa l-faċilitajiet tal-klabb se jkunu disponibbli wkoll għal Special Olympics Gozo biex ikunu jistgħu jsiru s-sessjonijiet ta’ taħriġ sportiv kull ġimgħa.

Is-SurJeffrey Farrugia u s-Sur Joseph Attard, President u Segretarju ta’ Xewkija Tigers FC rispettivament, iddeskrivew dan il-ftehim bħala storiku u tappa importanti fl-istorja tal-klabb u tat-tim tal-futboll. Huma rringrazzjaw lis-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana għal dan il-ftehim ta’ appoġġ lill-klabb u lill-komunità kollha u tennew l-impenn tagħhom għal aktar ħidma b’risq l-inklużjoni biex tassew ikollna sport għal kulħadd.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend