FITCH B’ “A” GĦAL MALTA U ĦARSA POŻITTIVA – One News

Notifiki

FITCH B’ “A” GĦAL MALTA U ĦARSA POŻITTIVA

L-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu Fitch ħarġet l-aktar rapport riċenti dwar Malta tul il-lejl u kkonfermat rating A għall-pajjiżna b’ħarsa pożittiva għal ġejjieni.
Fitch tgħid li Malta għandha dħul għal kull persuna li huwa ogħla meta mqabbel mal-medja ta’ pajjiżi f’kategorija “A”. Tgħid ukoll li Malta għandha tkabbir ekonomiku robust.

Wara t-tbassir tax-Xitwa tal-Kummissjoni Ewropea dan huwa t-tieni rapport f’ġimgħa minn esperti internazzjonali li jagħti ċertifikat mill-aqwa lill-ekonomija Maltija u lill-gvern Malti.

L-esperti ta’ Fitch jgħidu li l-ħarsa pożittiva hija riżultat ukoll tal-fatt li d-dejn imqabbel mal-Prodott Domestiku Gross nieżel l-isfel u t-tkabbir ekonomiku ta’ Malta se jibqa jiżboq dak ta’ pajjiżi Ewropej oħra.

Bħal Kummissjoni Ewropea, Fitch tikkonferma li l-konsum privat huwa l-mutur tat-tkabbir ekonomiku.

“Inbassru li l-ekonomija se tibqa’ tikber b’rata iktar mgħaġla minn pajjjiżi oħra b’rating A,” jgħidu ta’ Fitch li jsostnu li dan huwa msaħħaħ minn tkabbir fi-s-suq tax-xogħol, żieda fid-dħul u t-tnedija ta’ proġetti ġodda fis-saħħa, l-edukazzjoni u t-trasport.

Jingħad li anke f’dak li huwa investiment, Malta tinsab f’pożizzjoni b’saħħitha u tirrikonoxxi b’mod ċar inizjattivi u programmi tal-gvern fosthom il-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment (IIP).

Dwar is-settur bankarju Malti Fitch tgħid li dan huwa wieħed li jibqa’ jagħmel il-qligħ u kif l-assi tal-bank issaħħu.

IL-GVERN IRREAĠIXXA FI STQARRIJA U QAL LI SKONT FITCH, PAJJIŻNA GĦANDU TKABBIR AĦJAR MINN DAK TA’ PAJJIŻ B'”RATING” SIMILI TA’ “A’

Fitch Ratings affermat mill-ġdid ir-rating tajjeb ta’ “A” għall-ekonomija ta’ pajjiżna. L-aġenzija internazzjonali żammet ukoll previżjonijiet pożittivi dwar ir-rating ta’ pajjiżna wara li fir-rapport preċedenti kienet tejbet il-previżjonijiet tagħha dwar Malta u b’hekk matul din il-leġiżlatura, it-tliet aġenziji internazzjonali tar-ratings kollha rrevedew ‘il fuq l-outlook tagħhom dwar ir-rating ta’ pajjiżna. Dan jikkuntrasta mat-tnaqqis fir-ratings li pajjiżna kellu matul l-amministrazzjoni preċedenti.

L-analisti ta’ Fitch qalu li ‘‘the positive outlook reflects our view that the public debt/GDP ratio is on a downward trajectory and that economic growth will keep outperforming similarly-rated peers’’.

Filwaqt li l-Oppożizzjoni tgħid li t-tkabbir ekonomiku mhux jinħass mill-familji u mhuwiex sostenibbli, l-esperti ta’ Fitch jgħidu li ‘‘we forecast the Maltese economy to keep growing at a faster pace than the ‘A’ median at an average of 3.3% over 2017-2018, supported by strong employment growth, rising disposable income due to continuous wage appreciation and the launch of new investment projects in the health, education and transport sectors’’.

Dan jikkonferma li skont analiżi oġġettiva ta’ esperti barranin, it-tkabbir ekonomiku se jibqa’ ogħla mill-medja u jfisser aktar impjiegi u pagi għoljin. Filwaqt li l-Oppożizzjoni tirreżisti l-proġetti li qed twettaq din l-amministrazzjoni u tgħid li m’hemmx bżonnhom, l-esperti barranin isostnu li dawn se jwasslu biex pajjiżna jmur aħjar minn pajjiżi oħra.

Ir-rapport ta’ Fitch juri li sa tmiem l-2016 il-piż tad-dejn nazzjonali waqa’ taħt 60% tal-ġid nazzjonali għall-ewwel darba mill-1998. L-esperti internazzjonali qed ibassru li dan il-piż se jkompli jonqos fis-snin li ġejjin. Kontra dak li ssostni l-Oppożizzjoni, il-qagħda fiskali se tkompli titjieb filwaqt li t-tkabbir ekonomiku se jkompli jkun robust.

Wara ċ-ċertifikat eċċellenti mogħti lil pajjiżna fil-Winter Economic Forecast tal-Kummissjoni Ewropea, għal darba oħra analiżi indipendenti ta’ esperti barranin tikkonferma s-saħħa tal-ekonomija tagħna. Pajjiżna llum huwa fost l-aqwa fl-Unjoni Ewropea fit-tkabbir ekonomiku u fit-tnaqqis tal-qgħad.

Minflok ħaddan politika ta’ awsterità, dan il-gvern miexi b’politika ta’ investiment u ta’ tkabbir li qed twassal għal tnaqqis fil-piż tad-dejn nazzjonali. Fix-xhur li ġejjin il-Gvern se jkun qed iwettaq miżuri oħra biex il-ġid ikompli jasal għand kulħadd.

Ta’ QabelLi Jmiss
F’dan il-blog Aleander Balzan se jkun qiegħed jikteb ħsibijietu dwar temi differenti li jkunu għaddejjin f’pajjiżna; mill-politika għal temi soċjali u oħrajn kontroversjali. Min jaf lil Aleander jaf li huwa dritt għal punt u dak li għandek tistenna f'dan l-ispazju. Huwa gradwa fl-Istudji Ewropej, il-Komunikazzjoni u l-Politika mill-Università ta’ Malta

Send this to a friend