Presidenza Maltija: iffirmat l-ewwel pjan annwali ta' koperazzjoni bejn l-EASO u l-Frontex | One News

Notifiki

Presidenza Maltija: iffirmat l-ewwel pjan annwali ta’ koperazzjoni bejn l-EASO u l-Frontex

Waħda mill-prijoritajiet ewlenin ta’ Malta fil-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea hija li jintlaħaq ftehim interistituzzjonali Ewropew fuq il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea biex l-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-Qasam tal-Ażil (l-EASO) jinbidel f’aġenzija tal-UE għall-Ażil żviluppata għal kollox, li tkun tirrifletti l-irwol isħaħ ta’ din l-entità f’Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil riformata. Din it-trasformazzjoni diġà saret b’suċċess fil-każ tal-Frontex, li s-sena l-oħra saret l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta.

“Ħidmet l-EASO ilha tikber u titwessa’ fil-livell prattiku, u issa wasal iż-żmien li tiġi stabbilita l-bażi legali li tkun tirrifletti dik ir-realtà,” qal il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Carmelo Abela f’messaġġ li bagħat lill-membri tal-bordijiet tat-tmexxija tal-EASO u tal-Frontex fl-okkażjoni ta’ laqgħa konġunta li kellhom f’Malta, fejn huwa bbażat l-EASO. “Nittamaw li, sa tmiem il-Presidenza tagħna, inkunu lħaqna ftehim sabiex il-proposta leġiżlattiva tkun tista’ tidħol fis-seħħ u tibda tiġi implimentata kemm jista’ jkun malajr.”

Il-laqgħa saret f’San Ġiljan ilbieraħ. Din kienet l-ewwel darba li l-bordijiet tat-tmexxija ta’ dawn iż-żewġ entitajiet Ewropej kellhom sessjoni waħda flimkien. F’din l-okkażjoni huma ffirmaw ukoll l-ewwel pjan annwali ta’ koperazzjoni bejn l-EASO u l-Frontex.

“L-EASO u l-Frontex saru l-pilastri tal-ħidma tagħna biex nindirizzaw il-migrazzjoni u l-ażil, u nserrħu fuqhom biex jagħtuna l-appoġġ,” qal il-Ministru Abela. “F’dan il-kuntest, il-laqgħa tal-lum tissimbolizza bil-qawwi l-importanza ta’ aktar koperazzjoni bejn dawn iż-żewġ entitajiet, li qegħdin fuq quddiem nett f’dan il-qasam. Meta wieħed iqis ir-realtà tal-affarijiet, sħubija eqreb bejniethom m’għadhiex għażla iżda saret bżonn. Din il-laqgħa taż-żewġ bordijiet, li qed issir f’pajjiżna waqt il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, hija okkażjoni storika.”

Il-Ministru esprima l-apprezzament tiegħu għax-xogħol li jwettqu ż-żewġ entitajiet u faħħar il-mod kif l-informazzjoni li tinġabar minnhom tiġi rrappurtata b’mod regolari. Huma jżommu lill-Istati membri tal-UE infurmati dwar is-sitwazzjoni fil-punti tal-qsim tal-fruntiera; dwar ix-xejriet tal-migrazzjoni, inklużi oqsma ta’ pressjoni partikulari kif ukoll in-nazzjonalitajiet tal-migranti; u dwar is-sitwazzjoni tal-ażil madwar l-Unjoni kollha kemm hi. Huwa permezz tax-xogħol tal-EASO u tal-Frontex, qal il-Ministru, li jseħħu d-diversi operazzjonjiet tal-Frontex u jiġu pprovduti l-gwida u l-appoġġ għall-awtoritajiet determinanti tal-Istati membri fil-qasam tal-ażil.

Il-Ministru Abela saħaq li jeħtieġ li l-Istati Membri jsostnu l-isforzi tal-Frontex u tal-EASO billi jibagħtulhom esperti biex iwettqu x-xogħol meħtieġ. Filwaqt li osserva li s-sistema diġà, ftit jew wisq, qed taħdem fil-każ tal-Frontex, hemm bżonn ta’ aktar sforzi biex jintbagħtu esperti lill-EASO.

Ritratt: MHAS – (mix-xellug għal-lemin) Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Carmelo Abela; iċ-Chairman tal-bord tat-tmexxija tal-Frontex Marko Gasperlin; id-Direttur Eżekuttiv tal-EASO José Carreira; u d-Direttur Eżekuttiv tal-Frontex Fabrice Leggeri.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend