Agħar minn qabel l-2013 – One News

Notifiki

Agħar minn qabel l-2013

Konvint li s-sitwazzjoni li jinsab fiha l-Partit Nazzjonalista hija agħar minn qabel l-2013. Lanqas għandi dubbju. Nistgħu nsemmu ħafna eżempji. Nistgħu nsemmu d-differenza kbira fit-tmexxija, u nistgħu nsemmu wkoll il-mod ta’ kif qed isir il-politika llum. Naqbdu l-episodju tal-bieraħ.

Daphne Caruana Galizia, blogger li tippubblika stejjer kollha ħdura, kontra tfal innoċenti li l-unika tort li għandhom huwa li huma ulied xi esponent li ma jaqbilx mal-klikka fi ħdan il-PN, kontra nies li mietu jew li jkunu għadhom kif mietu bla ebda sens ta’ mistħija mill-familjari tagħhom, nies li għaddejjin minn diffikultajiet ta’ mard u nies normali oħra li għax jaħdmu mal-Gvern jew għax jgħinu lill-Partit Laburista jew għax m’humiex tal-klikka ta’ġewwa tal-PN, jisfaw attakki bla ħniena u mngħajr skruplu u l-ħajja privata u personali tagħhom esposta bl-aktar mod viljakk.

Dan huwa l-‘ġurnaliżmu’ li wħud qed jiddefendu?. Jibqgħu jiddefendu dan ‘il-ġurnaliżmu’, jekk din il-blogger li timbotta ‘l quddiem il-mibegħha, issemmi lil xi qarib tagħhom li miet, lil xi membru tal-familja tagħha li jkun għaddej minn mard jew li toqgħod itella’ ritratti tal-persuna sempliċiment għax hi min hi?

Dik hija s-soċjetà tagħna. Jien l-ewwel wieħed niddefendi lill-ġurnalisti kollha li jagħmlu xogħolhom billi jibbażaw l-istejjer tagħhom fuq fatti u li jiktbu l-aħbarijiet, anke jekk huma ġejjin minn NET, imma kieku nisħi ngħid li qed niddefendi lil min kisser tant familji sforz il-ħdura li għandu ġo fih.

Ejja ma ninsewx dawn il-fatti biex ma nħalltux il-ħass mal-kaboċċi.

Sinċerament jiddispjaċini nara ġurnalisti tal-affari tagħhom, edituri bravi u l-Għaqda tal-Ġurnalisti li tħallat ġurnaliżmu serju ma’ din il-blogger. Li tħallat il-libertà tal-espressjoni mat-tixrid tal-ħdura. Li tħallat stejjer vera ma’ fake news. Li b’mod konxju qed jassimilaw ruħhom ma’ din il-blogger għax jaħsbu li hija ‘ġurnalista’ bħalhom. Jekk jaslu biex jagħmlu hekk, allura naħseb wasal iż-żmien li jerġgħu jaslu wasla sal-Università, jew li jitkellmu man-nies mhux mal-kompjuters.

L-agħar minn dan kollu huwa li Simon Busuttil, pubblikament, mingħajr ma jiddejjaq xejn, mhux biss qed jikkwota mill-kitbiet tal-ħdura li tippubblika, mhux biss jibbaża l-politika tiegħu fuq hekk, iżda qed joħroġ jiddefendi l-istess persuna li s-Segretarju Ġenerali li għandu miegħu, li jaħdem magħha kuljum, Rosette Thake, li flimkien ma’ awturi oħra tar-rapport tat-telfa tal-PN kitbu kemm l-affinità tal-PN ma’ Caruana Galizia kien fattur determinanti għat-telfa elettorali tal-2013.

L-agħar minn dan kollu huwa li Busuttil qed jideffendi lil min attakka lil Viċi Kap tiegħu stess. L-agħar minn dan kollu huwa li Simon qed jagħżel il-blogger tal-ħdura fuq in-nies tiegħu stess, jew suppost nies tiegħu stess. Qed jikkundana lil DeMarco u jaqbeż għal Galizia.

Araw fiex spiċċa l-Partit Nazzjonalista.

Ta’ QabelLi Jmiss
Nigel Vella huwa Uffiċjal tal-Komunikazzjoni fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Gradwat mill-Università ta’ Malta fl-Istorja u ilu attiv fil-politika minn mindu kellu 16–il sena. Ħadem f’bosta Għaqdiet bħall-FŻL u l-għaqda tal-istudenti PULSE. Kitbitu se tmur lil’ hinn mill-politika li zgur ser tkun it-tema li tiddomina l-blog tiegħu, iżda permezz tal-kliem sempliċi jridu jitwasslu opinjonijiet oħra fuq materji oħra. Li hu zgur huwa li mhux se jkun hemm tidwir mal-lewża u logħob bil-bżalu.

1 Comment

  1. Fil-fatt id-difiza li qed jaghti SB hi attakk carissimu fuq Mario Demarco. X’ isterija hemm qalb il-PN u l-Establishment! Stennew aktar provokazzjonijiet. Zommu l-kalma hbieb!

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend