Il-pastizz tal-Fenech – One News

Notifiki

Il-pastizz tal-Fenech

Le ta! X’kull waħda, kemm intom ħamalli jaqq, kemm ma niflaħkomx ‘aqq għall-maduma! Mhux dak! God forbid, marelli! Umbgħad in a napkin! Il-pastizz li tkażat bih Her Royal Qrusaness, typical Misis Bucket (Bouqué, Bouqué) Ann Fenech (Fené,Fené). Ma kienx pastizz! L-ewwelnett ilni ma nikteb x’għarukaża mill-Halowijn u kellu jkun il-pastizz ta’ Ann biex qajjimni fuq tiegħi ħa nerġa nibda. Ilni nwiegħed lil Janice tlett xhur li se nkompli nikteb. Ma kienx pastizz tas-serkin! Iddur fuq fejsbuk, ħlief il-pastizz ta’ Ann mhux qed isemmu.

How low can Joseph the Prime Minister get marelli. A pastizz in a napkin and tea in a glass. Oh My God! OMG! Ow emm ġee!

U b’kull mod imaġinabbli qed isemmuh il-pastizz tal-Fenech. Issa nittama li Marju Freddo sieħeb His Royal Negativeness, Sajmin, ma jilbisx xi bathrobe oħra u jmur għand tas-Serkin ħa jinvestiga, għax jerġa jaqa’ għan-nej. Jekk jagħmel hekk jista’ jieħu lill-Tfake miegħu, jferfer iz-zalzetta. Marelli fejn qed imur moħħkom, ja tilar qassatat li intkom! Iz-zalzetta tal-barbikju, ħi!

U fejn naf! Tqarrset ħej il-Fenech. Maaa kemm għandha sos! U meta rat il-kotra tingħaqad u tikkritikala l-pastizz, ipprovat iddawwarha. U reġgħet kompliet tgħażaq, the Pee Ann trend, insomma. Kitbet li hi mill-Qrendi, it-tifla tat-tabib. U meta missiera kien Spijker, kienu jistiednu l-Ammiral (Yaay!), il-Gvernatur Ġenerali (Yaay! Yaay!) u all the posh (Yaay! Yaay! Yaay!) fid-dar tagħhom il-Qrendi. Imma jaħasra qalet li qatt ma servewhom il-pastizz fin-napkin u t-te fit-tazza. Maaaa! Ġesù ħudni! Naħseb kienu jpoġġu l-pastizz fuq gabarré tal-fidda u jiekluħ bil-cutlery silver service. Jesus! Le ta! No pastizzi when the Admiral and the Governor General is around. Meta jkun hemm l-Ammiral u l-Gvernatur Ġenerali, hide the pastizz. Justin Case.

Anki Ċensina ta’ faċċata tiegħi żewġ bibien ‘l isfel, hekk qaltli. Anzi, hekk ħanġret il-bieraħ filgħodu.

Kont qed indur il-kantuniera, b’seba’ gażżetti f’idi, inkluż dik li jħarbex Joe tal-Micallef bil-‘k’, li by the way, illum tiswa żewġ ewri. Għandha b’ħafna ewri nar jaħraq ta’ stejjer illum. U naħseb għax il-Mikka kellu ftit hrejjef żejda ppublikati ġiet tqum aktar.

Anyway, dort mal-kantuniera fi trieqti u mill-bogħod nisma’ għajta tidwi mal-pjazzetta li hemm fit-triq, “Ajtjeeeeen”. Oh fakit! Kont ‘l bogħod wisq biex nitfa’ l-mowbajl bil-maqlub ma’ widinti, taparsi li kont occupied with an important call.

“Ajtjeeeeeen”

Xitt.

Sellimtilha mill-bogħod. Daħka sfurzata fuq fommi. Ma ħallitnix nersaq viċin.

“Ajtjeeeen”, smajt leħen Ċensina jħanġar, “Af li l-Fenech ma tħobbx il-pastizz fin-napkin u t-te’ fit-tazza tal-ħġieġ, ħa ħa ħaj. Għax għal tal-High Society mhux sew”.

Ma’ dik l-għajta min naħa għall-oħra tat-triq kont wasalt ħdejn Ċensina. Bl-eku tad-daħka tagħha għadu jidwi, Ċensina kienet hemm, imserrħa mall-koxxa tal-bieb, iżżomm sidirha, tiela’ kwart ta’ metru ‘l fuq u nieżel kwart ta’ metru ‘l isfel bin-nifs li bdiet tieħu, tort tad-daħk li kienet qed tidħak.

Difrejha kienu s-soltu. Pinzellata ħamra ħlief il-werrej li kien oranġjo. Dwiefer ġejjin għall-ponta b’serp abjad imqabbeż imwaħħal fuq id-difer l-orinġ.

“Ara naqra,” (pawsa għan-nifs), “biex ħarġet il-ħaj klass Ann,” (pawsa oħra għan-nifs), “x’kull waħda.” (intermission)

Stenna, dak mhux intermission kien. Kienet qed tistenna lili ngħid xi ħaġa.

“U jien naf, Ċens!” bdejt ngħid xi ħaġa jien. “Tant inħarqu bis-suċċess tas-samit, li m’għandhomx ma x’hiex jaqbdu.”

“U qabdu mal-pastizz! X’ma tinħaraqx! Fajerplejs sħiħa kienu, mhux maħruqin biss!”, kompliet Ċensina. “Ara kemm faħħruna għas-samit, u kemm kellhom kliem sabiħ fuq Joseph tagħna! U hemm min qal li kellu bżonn li s-samit jibda jsir dejjem f’Malta! U jridu lil Joseph tagħna jilħaq flok dak, hemm, x’il-madoff jismu, Trus, Tuw… ejja, Ajtjen ħi għini naqra…”

“F’hiex?”

“Int wieħed tal-ħaxu jaqaw? Mhux tfakkarni x’jismu dak…”

“Ehhhh. Tusk. Iridu lill-Prim flok it-Tusk, Ċens. Għax l-Ewropej qed jgħidu li Joseph biss huwa l-aħjar u li kapaċi jgħaqqad lill-Kapijiet l-oħra flimkien. E! Eeeee!!”

“Prosit ħej!”, daħlet tirrimarka Ċensina. “Qed tara hux! Imbasta kien hemm il-wiċċ imċappas bil-Casa li beda jgħid li Malta mhux ippreparata! Imbasta waqa’ għal patattu u kien il-kritika ta’ sħabu stess, meta beda jmaqdar lil pajjiżu fil-parlament tal-Ewropa. Puuuuu. Ħaduha r-risposta, kollha kemm huma. Qed tara hux! Kemm aħna kapaċi aħna l-Maltin! Puuu għall-wiċċ aħdar kollu qrusa u mibgħeda li għandhom, Alla jaħfrili dnubieti u jagħtini l-glorja tal-ġenna!”

“E ħija! …” Ipprovajt inkompli d-diskussjoni jien. Imma għarrali.

“U għadna fil-bidu tal-presidenza!”, kompliet minflok, Ċensina. “Aħseb u ara meta jgħaddu s-sitt xhur!”

“Taf x’naf, Ċensina, biex nerġa ndur għall-pastizz tal-Fenech, aħjar iddur dawra l-fejsbuk il-Maestà Tagħha l-Eċċelleza Sangue Blu Fenech u tara r-ritratti ta’ mexxejja oħra. Mifquħ il-fejsbuk illum bir-ritratti ta’ Obama, jinżel għal-livell tal-poplu, jiekol il-bergers fuq imwejjed u banketti tal-plastik. U l-Fixx en Ċips, u l-hotdogs, f’ambjent li hu ħamallu għal Ann. Naħseb ma kienx għadu sema’ bil-Fenech ħalli jieħu il-parir tagħha dan!”

“U x’kull waħda u x’kull waħda jaħasra! Ara nitħassarhom ta jien! Patri, tfilju…” Bdiet tgħid hi u trodd is-salib. “Jiġifieri, għax libsu naqra ħafif u telgħu r-Rabat u l-Imdina u wara marru għand is-Serkin jieħdu té u pastizz, allura ħamalli, hux?”

“Ħeqq skont Ann ta’ Sajmin, iva Ċensina ħi. Skont Ann ta’ Sajmin, min imur għat-té u pastizz għand is-serkin, ħamallu.”

“Issa nittama,” kompliet Ċensina ta’ faċċata tiegħi żewġ bibien ‘l isfel, “Nittama li ma jiftħux il-kafetterija fid-Dar Ċentrali u jibdew iservu t-té fit-tazza tal-ħġieġ u l-pastizz fin-napkin hux!”

Kien imiss lili biex ninfaqa’ nidħak. Intlewejt fi tnejn u ħanġart daħka.

Ċensina baqgħet miblugħa tħares lejja. Bdejt nagħmlilha s-sinjal. Bdejt indawwar subajja l-werrej fi ċrieki tondi. Li tfisser, ‘sekonda, issa ngħidlek’.

“Int qed tgħajjarni miġnuna, għax inqarmċek dalgħodu!”, qaltli Ċensina b’ton li jkexkex.

“Ħaħ ħaj … u le .. ħe ħe ħe”

Ċensina baqget tberraq lejja, sakemm ġejt f’tiegħi u stajt nitkellem.

“Għax Ċens, kif semmejtli l-Cafeteria fantażma tal-Pee Ann, bdejt nimmaġina lill-ħabiba tagħna l-Fenech, għaddejja bil-gabarré tal-fidda tal-Ammirall, tqassam il-pastizzi, b’ wiċċha qisu biċċa rkotta qarsa, liebsa fardal bil-frilli u minn dawk il-widnejn tal-fer tal-fenek f’rasha! Ajma madoffi zaqqi x’tuġgħani bid-daħk!”

Ċensina daħket ukoll. U f’daqqa waħda qaltli, “Iktar jien semmejt il-kafeterija tal-Pee Ann! Dik ‘qas għadhom għamluha hux? Ara vera ma nafx x’naqbad ngħidilhom ta! Lanqas kafeterija li ilhom iwiegħdu ma għamlu, aħseb u ara kif tista’ tafdalhom imexxu l-pajjiż!”

Għamiltilha sinjal ta’ ‘iva’ billi xengilt rasi ‘ isfel, għax kont għadni qed nipprva nġib in-nifs.

“Ara ħa ndabbar ‘l ġewwa, għax ħlejtli ħafna ħin Ajtjen ħi”.

Ħaqq l-ożbreċ minfuq! Mhux hi waqfitni!!

 “U nara l-ikel, għax jinħaraqli u aqta’ kemm insempel”, qaltli Ċensina.

“X’sajjart illum Ċens?”

“KirxlorAnn ħi”, qaltli, “tal-puliti”.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend