Jinkiser rekord ta' passiġġieri f'Jannar | One News

Notifiki

Jinkiser rekord ta’ passiġġieri f’Jannar

• Jannar jaqbeż it-300,000 passiġġier għall-ewwel darba

• Tkabbir ta’ 27.3% fin-numru ta’ passiġġieri f’Jannar meta mqabbel mal-2016

• Konnettività mtejba mal-Ġermanja, Spanja u l-Italja tikkontribwixxi għal dan it-tkabbir

Is-sena bdiet fuq nota eċċezzjonali għall-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, b’Jannar jaqbeż it-300,000 passiġġier għall-ewwel darba. F’Jannar l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ospita eżattament 301,289 passiġġier u b’hekk it-traffiku fl-istess ajruport għal dan ix-xahar żdied b’27.3% fuq l-2016.

Dan ifisser li l-ajruport laqa’ 64,699 passiġġier aktar mill-ewwel xahar tas-sena li għaddiet, numru li jisboq il-popolazzjoni kkumbinata talakbar tliet irħula f’Malta. Dan it-tkabbir żdied b’mod parallel ma’ żieda fil-movimenti tal-ajruplani u l-postijiet disponibbli fuq it-titjiriet, li kibru bi 22.1% u 27.7%, rispettivament.

Konnettività mtejba ma’ swieq bħall-Ġermanja, Spanja u l-Italja kienet fattur importanti li kkontribwixxa għal dan it-tkabbir. Barra minn hekk, is-seat load factor (SLF) ukoll żdied bi 1 punt perċentwali biex laħaq 72.7%. Dan jindika li l-linji tal-ajru mlew l-postijiet disponibbli fuq it-titjiriet b’mod aktar effiċjenti, hekk kif aktar turisti għażlu li jivvjaġġaw lejn Malta f’Jannar.

Ir-Renju Unit, l-Italja u l-Ġermanja kienu l-aqwa tliet kontributuri tat-traffiku għall-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, bit-tliet swieq jirreġistraw diversi livelli ta’ tkabbir. Għax-xahar ta’ Jannar, il-Belġju u Spanja kienu r-raba’ u l-ħames l-aqwa kontributuri tat-traffiku, bi 15,784 moviment tal-passiġġieri u 13,903 movimenti tal-passiġġieri, rispettivament.

Meta wieħed iħares lejn l-aqwa ħames ajruporti mbagħad, jinnota li l-lista hija ddominata minn ajruport ġdid, jiġifieri l-ajruport internazzjonali ta’ Catania Fontanarossa u dan wara li kien hemm żieda fit-titjiriet li joperaw lejn dan l-ajruport. Il-piż massimu tat-tluq fl-ajruport ukoll esperjenza żieda ta’ 26.8% biex b’hekk il-104,108 tunnellati u l-piż tat-tagħbija tal-merkanzija u l-posta tela’ għal 1,305 tunnellati mill-1,185 tunnellati rreġistrati f’Jannar 2016.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend