Il-maskra waqgħet | One News

Notifiki

Il-maskra waqgħet

Fl-aħħar jiem ta’ Frar imiss li niċċelebraw il-Karnival b’kostumi, maskaruni u karrijiet. Tara lit-tfal jieħdu gost jilbsu l-kostumi tal-karattru favorit tagħhom: min jilbes ta’ prinċipessa u min ta’ gwerrier inbattibbli fost oħrajn. Karattri fittizji li jagħmlu lil kulħadd kuntent u ferħan matul dawk il-ġranet. Għalkemm m’hix ċelebrazzjoni politika, il-karnival ta’ din is-sena se jkun differenti għall-Partit Nazzjonalista. Tistaqsi għaliex? Sempliċi…il-maskra tal-Partit Nazzjonalista waqgħet, u tant waqgħet bis-saħħa li nkisret!

Għalina l-Maltin, il-jum tal-5 ta’ Frar se jibqa’ magħruf bħala ‘Jum il-Pastizzi’. Ann Fenech, il-President tal-Eżekuttiv tal-PN ħarget dikjarazzjoni tikkonferma s-sens ta’ supremazija li għadha tirrenja fost l-esponenti tal-Partit Nazzjonalista u li tirrifletti verament dak li jaħsbu dwar il-poplu Malti u Għawdxi. Din is-sens ta’ supremazija fuq il-poplu hija inkwetanti u bla preċedent. Kollox dejjaqha, common and crude qaltilna, ħejj! Mhux hekk hux, għax imbilli tiekol pastizz ghand is-serkin ifisser li inti baxx, tal-low-class jew aħjar, ħamallu.

Niskanta kif nies lawreati joħorġu b’dawn it-tip ta’ dikjarazzjonijiet – il-probabbilita’ hija li hemm żewg raġunijiet: jew għandhom ego ikbar mill-univers, inkella, tant kemm huma politikament frustrati li qed jispiċċaw jiżolqu fin-niexef!

Meta nkun ħsibt li l-Partit Nazzjonalista ma jistax jinżel iktar fil-baxx dejjem jirnexxielhom jissorprenduni. Kudos PN.

Ma dawn it-tip ta’ nies iridu jitħalltu l-paladini tal-libertà bħal Salvu Mallia u Marlene Farrugia? Sa fejn naf jien, ħadd minnhom ma ħareġ illissen kelma kontra din l-attitudni suprema. Wara kollox, la ma qaliex Joseph Muscat m’ghandomx bżonn jikkummentaw, mhux hekk?

Nirnexxu lkoll flimkien – basta tkun tal-high-class jew tal-qalba. Importanti li ma tiekolx pastizzi fuq napkin ma bela’ te’/kafe fit-tazza tal-ħġieġ! Politika onesta? Għall-islogans jinqalgħu, pero’ l-Malti jgħid li l-lupu jibdel sufu imma mhux għemilu. Spot on!

Issa ejjew ittalbu għall-voti mingħand il-common and crude. Ipokriti.

Ta’ QabelLi Jmiss
Chris Balzia għandu 30 sena u jgħix Birżebbuġa. Studja l-inginerija tal-avjazzjoni fil-kulleġġ tal-MCAST. Waqt li kien qed jaħdem f’dan is-settur, reġa’ ssokta bl-istudju tiegħu fejn ggradwa mill-Università ta’ Londra b’Diploma fl-Ekonomija. Bħalissa jinsab għaddej bl-istudji tiegħu għal Degree fil-Management. L-attiviżmu politiku minn dejjem kien jinteressaħ u jassoċja ruħu mal-ideali poltiċi xelluġin. Matul il-hajja studenteska tiegħu kien attiv mal-għaqda Pulse fejn anki serva għal diversi snin fl-eżekuttiv tal- għaqda. L-impenn politiku kompla bl-involviment fil-fergħa tal-Forum Żgħażagħ Laburisti ta’ Birżebbuġa u fl-eżekuttiv tal-FZL mill-2011 sa Frar tal-2016. Apparti l-interess fil-politika, impenn ieħor għal qalbu huwa l-iScouting. Chris ilu membru tal-iScouts mill-eta’ ta' sebgħa snin u baqa’ attiv fl-istess assoċjazzjoni fejn bħalissa jokkupa l-kariga ta’ Scout Leader mall-grupp ta' Birżebbuġa.

Send this to a friend