390 Ingliż ieħor iridu ċittadinanza Maltija | One News

Notifiki

390 Ingliż ieħor iridu ċittadinanza Maltija

Is-sena li għaddiet kien hemm 390 Ingliż li għamlu talba għal ċittadinanza Maltija mal-Awtoritajiet Maltin.

Din hija żieda sinifikanti fuq is-sena ta’ qabel meta l-Aġenzija Identità Malta rċeviet 196 talba għal ċittadinanza Maltija minn persuni ta’ nazzjonalità Ingliża. Naturalment din hija konsegwenza diretta ta’ Brexit fejn il-maġġoranza tal-poplu tar-Renju Unit iddeċieda li joħroġ mill-Unjoni Ewropea. Xi ħaġa li xejn ma niżlet tajjeb ma’ Ingliżi li jgħixu f’pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea, fosthom Malta.

Dan għax bis-sħubija fl-Unjoni Ewropea jgawdu minn moviment ħieles fl-Unjoni Ewropea u f’pajjiż ieħor igawdu minn iktar drittijiet. Xi ħaġa li forsi ma kinetx fuq l-aġenda ta’ dawk li fost ir-raġunijiet li vvotaw kontra hemm li ma jridux persuni minn pajjiżi oħra jkollhom l-istess drittijiet li għandhom huma fir-Renju Unit.

Dawk l-Ingliżi li jgħixu f’pajjiż Ewropew u li jridu jserrħu rashom li jibqgħu jkunu stmati l-istess f’dawk li huma drittijiet, qed jaraw kif jiksbu ċ-ċittadinanza ta’ dak il-pajjiż. Dejjem jekk għandhom bażi biex jikkwalifikaw.

F’Malta hemm tliet kategoriji ta’ persuni li jistgħu jiksbu ċittadinanza Maltija. Ingliżi li għandhom axxendenti Maltin, Ingliżi li ilhom aktar minn ħames snin miżżewġin ċittadin Malti jew ċittadina Maltija u Ingliżi li ilhom jgħixu Malta u li applikaw biex ikunu naturalizzati bħala ċittadini Maltin.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend