"Ninsabu sodisfatti ħafna dwar dak li ġie konkluż dwar l-immigrazzjoni" – JM | One News

Notifiki

“Ninsabu sodisfatti ħafna dwar dak li ġie konkluż dwar l-immigrazzjoni” – JM

Ninsabu sodisfatti ħafna dwar dak li ġie konkluż fl-ewwel sessjoni tas-summit. Dan qalu l-Prim Ministru Joseph Muscat f’konferenza għall-aħbarijiet li fiha ġie spjegat dak diskuss fl-għodwa tas-summit.

Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar ir-relazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti. Il-Prim Ministru spjega li fil-working lunch dan ġie diskuss fid-dettall u minkejja li l-istati membri huma nkwetati dwar numru ta’ deċiżjonijiet li ħadet amministrazzjoni ġdida, l-Unjoni Ewropea m’għandiex sentiment kontra l-Istati Uniti. Il-Prim Ministru qal li jeħtieġ li jkun hemm relazzjoni tajba mal-Istati Uniti iżda l-Unjoni Ewropea ma tista tibqa’ kwieta quddiem l-attitudni u d-deċiżjonijiet meħuda li jiksru l-valuri Ewropej.

Kien hemm ftehim li l-iżviluppi fl-Istati Uniti taffettwa l-irwol tal-Unjoni Ewropea u dan se jiġi diskuss fit-tieni sessjoni tas-summit.

Min-naħa tiegħu, l-President tal-Kunsill Ewropew, Donald Tusk, qal li dan is-summit huwa suċċess ieħor wara l-Valletta summit f’Novembru. Huwa qal li l-ewwel sessjoni tas-summit laħqet ftehim dwar l-immigrazzjoni, liema ftehim li jirregola l-influss tal-immigranti fi stati membri filwaqt li jissalvagwardja l-ħajja ta’ dawn il-persuni.

Il-mexxejja qablu li se tingħata prijorita u se jkunu allokati riżorsi lil għaxar pilastri ewlenin. Fosthom:

• Iktar investiment fit-taħriġ, fl-apparat u fl-appoġġ għad-dispożizzjoni tal-gwardja tal-kosta Libjana, lill-programmi Ewropej u aġenziji oħra li jħarsu l-fruntieri Ewropej.

• Iktar sforzi biex jitħarbtu s-sistemi tat-traffikanti tal-immigranti permezz t’azzjoni integrata mal-aġenziji u awtoritajiet Libjani u ta’ pajjiżi li minnhom jgħaddu l-immigranti fi triqithom lejn l-Ewropa. Dan filwaqt li riżorsi jkunu immirati għall-osservazzjoni ta’ rottot alternattivi li jistgħu jużaw it-traffikanti.

• Appoġġ għall-iżvilupp fil-komunitajiet lokali Libjani, b’ mod speċjali fiż-żoni li jinsabu fil-fruntieri tal-pajjiż u iktar kampanji informattivi għall-migranti fil-pajjiżi t’ oriġini jew ta’ transizzjoni permezz ta’ kollaborazzjoni m’organizazzjonijiet lokali u internazzjonali.

• Appoġġ lill-Organizazzjoni Internazzjonali tal-Migrazzjoni biex jiżdiedu l-opportunitajiet li l-immigranti jirritornaw lura f’ pajjiżhom b’ mod volontarju. • Il-ħolqien ta’ proġetti li jgħinu l-awtoritajiet tal-pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq jintensifikaw il-kapaċita tal-ħarsien tal-fruntieri. Filwaqt li jiżdied id-djalogu u l-kooperazzjoni mal-ġirien tal-Libja.

• Il-Mexxejja Ewropej qablu wkoll li jappoġġjaw il-ftehimiet bejn Stati Membri individwali mal-Libja, għaldaqstant intlaqa’ l-Memorandum of Understanding li l-Awtoritajiet Taljani iffirmaw mal-Libja biex jitkisser iċ-ċirku tat-traffikar tal-bnedmin u tissaħħaħ il-gwardja kostali.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend