'Eluf ta' immigranti jistennew il-Libja' – Miriam Dalli | One News

Notifiki

‘Eluf ta’ immigranti jistennew il-Libja’ – Miriam Dalli

Ninsabu fuq l-għatba ta’ influss probabbli ta’ eluf ta’ immigranti fiċ-ċentru tal-Mediterran u l-Unjoni Ewropea għadha ma ħarġitx b’soluzzjoni effettiva li verament tagħmel differenza u tindirizza din ir-realtà.

Stqarret dan il-Membru Parlamentari Ewropew Maltija Miriam Dalli fil-Parlament Ewropew waqt li kien qed jiġi diskuss is-suġġett tal-immigrazzjoni miċ-ċentru tal-Mediterran.

“Sorsi differenti qed jitkellmu dwar eluf ta’ nies jistennew fil-Libja biex jaqsmu lejn l-Ewropa. Is-sitwazzjoni hija kritika u la jikkalma t-temp se nerġgħu niffaċċjaw influss qawwi ieħor mingħajr m’għandna soluzzjonijiet adegwati,” qalet Dr Dalli.

L-MEP Laburista qalet li fost oħrajn jeħtieġ azzjoni diretta fuq it-traffikanti, u li tingħata l-opportunità ta’ passaġġ sigur u legali għar-refuġjati li għandhom dritt għall-ażil b’mod ikkontrollat.

“B’hekk, tkun tista tingħata protezzjoni internazzjonali lil dawk intitolati għaliha, b’distribuzzjoni ekwa u ġusta mal-iStati Membri,” qalet Miriam Dalli.

Dalli saħqet li l-obbligi internazzjonali li dejjem iggwidawna għandhom jibqgħu jiġu mħarsa. Temmet tgħid li hemm bzonn aktar minn qatt qabel li l-Unjoni Ewropea tkun proattiva fuq il-Mediterran bl-għan li tinkiseb aktar stabilità fir-reġjun.

Donald Tusk mistenni jqajjem din id-diskussjoni għada hawn Malta, kif tista’ taqra hawn. 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend