Qara l-mewt ta’ ħuh fil-gazzetti u ma ndunax – One News

Notifiki

Qara l-mewt ta’ ħuh fil-gazzetti u ma ndunax

Illum nitkellmu ħafna dwar il-periklu li nieħdu aħbar ħażina mill-midja soċali fejn ġrajja tinfirex f’tebqa’ t’għajn. Iżda, 17-il sena ilu l-Professur Frans Ciappara qara dwar il-mewt ta’ ħuh fuq il-gazzetta għalkemm ma ntebaħx li l-vittma ta’ diżgrazzja kien proprju ħuh.

Carmel Ciappara li kellu 49 sena kien wieħed minn fost it-tliet vittmi involuti f’inċident li seħħ fiċ-Ċirkewwa. Tkellimt ma’ Frans Ciappara fl-aħħar jiem proprju fis-17-il anniversarju minn waħda mill-agħar diżgrazzji fuq il-post tax-xogħol.

“Sfortunatament dakinhar ma kontx hawn, kont imsiefer u rċivejt telefonata biex ninżel lura Malta malajr. Fuq l-ajruplan dakinhar kien hemm gazzetta li ġabet l-aħbar, bl-isem tan-nies li mietu b’kollox. Jien qed nara l-gazzetta u m’iniex ninduna li wieħed minnhom kien ħija. Meta wasalt l-ajruport imbagħad qaluli bl-aħbar kerha,” irrakkonta Ciappara.

L-inċident seħħ eżattament fis-27 ta’ Jannar tas-sena 2000, meta dakinhar ħaddiema mid-dipartiment tad-drenaġġ marru ċ-Ċirkewwa u niżlu fil-fossa tal-post.

“Sħab ħija niżlu fil-fossa, beda ħiereġ ħafna gass b’konsegwenza li huma baqgħu hemm. Ħija niżel darba biex isalvahom, reġa’ prova għat-tieni darba u mat-tielet tentattiv baqa’ hemm, il-gass qatel lilu wkoll,” spjega Ciappara.

Joseph Vella Parnis, Charles Camenzuli u Carmelo Ciappara kienu l-vittmi ta’ dakinhar. Wieħed minnhom Joseph Vella Parnis ħalla warajh żewġt itfal żgħar.

Dakinhar kienu niżlu jaħdmu fuq il-valv tal-pumping station meta għal xi raġuni ħareġ il-gass.

Minn investigazzjoni li saret wara, ikkonkludiet li dakinhar il-ħaddiema ma kinux lebsin il-maskli għall-protezzjoni u spiċċaw belgħu l-gass ikkontaminat. B’konsegwenza t’hekk tilfu ħajjithom.

Ciappara jiftakar dawk iż-żminijiet b’diqa: “Kellha tkun ġurnata bħall-oħrajn, kienu sejrin għax-xogħol. Fi triqithom lejn iċ-Ċirkewwa waqfu l-Mosta. Waqfu għal belgħa te fil-fatt. Kulħadd jidħak u jiċċaċċra. Min kellu jgħidilhom x’kien qed jistenniehom ftit ħin wara. Kif waslu hemmhekk mal-ewwel meddew idejhom għax-xogħol.”

“Dawn kienu tlett iħbieb kbar. Kienu jonsbu u jmorru ġimgħa jorqdu hemm fuq il-mansab. Dejjem flimkien u għalhekk dak li ġara. Meta ħija ra li tnejn minn sħabu kienu għadhom ma telgħux, niżel għalihom biex jara x’jista’ jagħmel imma eventwalment ħadd ma salva. Kienu għamlulhom funeral statali. Kienet tassew ġurnata tad-dwejjaq. Iżjed u iżjed meta tara dawk in-nies kollha. Indunajt kemm kienu jħobbuhom lil dawn it-tliet ħaddiema li fuq kollox spiċċaw mietu għax-xogħol tagħhom,” qal Ciappara.

Fuq kollox dan kien inċidenti li xxokkja lill-pajjiż. Inċident li minnu kellna nieħdu tagħlimiet. Eventwalment fl-2011, il-Qorti tat aktar minn €300,000 f’kumpens lill-familji tal-vittmi.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend