L-MFA diġa ħerqana għaċ-ċittadinanza bil-mertu – One News

Notifiki

L-MFA diġa ħerqana għaċ-ċittadinanza bil-mertu

Fost l-ewwel assoċjazzjonijiet lokali li tkellmu b’mod pożittiv dwar il-proposta imnedija lbieraħ ta’ ċittadinanza għall-mertu kien hemm l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol, l-MFA. It-tnedija tal-proċess ta’ konsultazzjoni tal-Inizjattiva Ċittadinanza għall-Mertu saret ilbieraħ mill-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici flimkien mas-Segretarju Parlamentari Chris Agius.

Il-Ministru Bonnici qal li kif ġiet ippreżentata din il-liġi tagħmel din is-sistema waħda effiċjenti iżda tagħti kas ukoll is-sigurtà ta’ pajjiżna. Filwaqt li s-Segretarju Parlamentari Agius qal li l-persuni li se jibbenefikaw minn din l-inizjattiva mhux biss se jkunu qed jgħinu lilhom infushom u lil pajjiżna, iżda se jkunu qed joffru wkoll kompetizzjoni denja lill-atleti u lir-riċerkaturi lokali.
Il-President tal-MFA, Norman Darmanin Demajo, saħaq fuq l-importanza ta’ din l-inizjattiva. Saħansitra żvela li l-MFA diġà kellha laqgħat mal-Ministru Owen Bonnici fejn fihom iddiskutew il-possibbiltà li permezz ta’ bdil fil-liġi, plejer ta’ talent straordinarju fl-isport li jkun qed jilgħab Malta jkun jista’ jikseb iċ-ċittadinanza Maltija malajr u b’hekk ikun jista’ jibbenefika minnu t-tim nazzjonali Malti.

Demajo stqarr li llum biex plejer jibda jikkunsidra li jaqleb iċ-ċittadinanza Maltija għandu minn tal-inqas ħames jew sitt snin. Meta tikkonsidra l-ħajja qasira tal-karriera ta’ plejer tal-futbol dan it-terminu ta’ ħames snin ma jibqax vijabbli, għaliex sakemm jkun jista’ jilgħab mat-tim Malti tkun diġà għaddietlu l-forma pożittiva li jkun għaddej minnha bħala plejer. “Biex inti tibdel iċ-ċittadinanza trid tal-inqas ħames snin, sitta biex inti tal-inqas tikkunsidraha. Din hija fast track,” qal il-President tal-MFA.

Żied li jekk tiġi implimentata l-miżura se jkunu qed isiru emendi fl-Att dwar iċ-Ċittadinanza fejn din ser twassal biex Malta tiggwadanja mis-servizzi ta’ dawn il-plejers kemm jista’ jkun malajr. “Dawn proposti tibdil fil-Malta Citizenship Act fejn bażikament qed nagħmlu proċess iżjed mgħaġġel għal min jista’ jkun bis-saħħa ta’ din il-bidla, eliġibbli biex ikollu passaport Malti u b’hekk ikun eliġibbli mat-tim nazzjonali. Din hija xi ħaġa pożittiva għax jekk ma tagħmilhiex u ma ġġib lil ħadd tkun bqajt fejn kont,” qal Darmanin Demajo.

Madankollu, għalkemm bl-implimentazzjoni ta’ dan l-abbozz ta’ liġi li plejer jikseb iċ-ċittadinanza Maltija se tkun eħfef, xorta waħda se jkunu qed jittieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex din is-sistema tkun waħda li tipproteġi l-ħarsien nazzjonali. Għalhekk Demajo spjega wkoll fuq kif l-awtoritajiet lokali tal-isport ukoll se jkollhom irwol attiv fl-applikazzjoni tal-plejers għaċ-ċittadinanza.

“Waħda mill-kundizzjonijiet biex tkun eliġibbli hija li jkollok l-endorsement tal-Sports Association, jiġifieri jekk int plejer tal-waterpolo, jew plejer tal-basketball, dan irid ikollu l-endorsement mill-Association li tikkonferma l-eliġibbiltà tiegħu li jkun jista’ jilgħab mat-tim nazzjonali. Fl-aħħar mill-aħħar l-iskop hu li dan it-talent ikun eliġibbli biex ikun jista’ jilgħab mat-tim nazzjonali,” irrimarka l-President tal-MFA. Din l-inizjattiva tista’ taqla’ kritika kbira minn plejers lokali li jaspiraw li jitilgħu jilagħbu mat-tim nazzjonali u b’hekk issa plejers barranin jistgħu jeħdulhom posthom.

Madankollu, il-President tal-MFA saħaq fuq l-importanza għall-kompetizzjoni lill-plejers lokali. “Din mhijiex xi ħaga oriġinali. Jekk inti rajt l-Olympics, it-tim jidhirli tal-volleyball tal-Italja kien hemm tnejn, wieħed Kuban u l-ieħor Russu. Illum min hu l-aħjar jilgħab.

Din għandha tistimola l-Maltin biex dejjem jgħollu l-livell tagħhom inkella int eventwalment ma tista’ qatt tmur ’il quddiem b’raġunament li jgħid, jekk se nġib xi ħadd aħjar minni, xi ħadd se jinqala’. Dik hija l-motivazzjoni li għandu jkollu kullħadd,” irrimarka Darmanin Demajo.

Il-President ta-MFA stqarr li din il-miżura se tħalli effett pożittiv fuq kulħadd: “Meta we excel in sports speċjalment fuq livell internazzjonali kulħadd jieħu pjaċir, is-sapporters jieħdu pjaċir li Malta tirbaħ.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend