Il-mexxejja u l-Unjoni Ewropea qatt m'għandhom jinsew liċ-ċittadini – JM | One News

Notifiki

Il-mexxejja u l-Unjoni Ewropea qatt m’għandhom jinsew liċ-ċittadini – JM

Ir-Renju Unit se jibqa’ b’saħħtu anke wara BREXIT anke f’dik li hija relazzjoni ma’ pajjiżna. Dan qalu l-Prim Ministru Joseph Muscat f’seminar dwar l-impatt ta’ BREXIT fuq in-negozji Maltin.

Il-Prim Ministru kkonferma li kumpaniji Ingliżi jridu jibqgħu jikkollaboraw mal-Unjoni Ewropea u tkellmu mal-Gvern Malti biex ikollhom il-bażi tal-kumpanija tagħhom f’pajjiżna.

Huwa qal li qed ngħixu fi żminijiet eċitanti fl-istorja u għaldaqstant wieħed irid iħares lejn l-istampa kollha hekk kif dak diskuss illum kapaċi jinbidel f’ħakka t’għajn minħabba s-sitwazzjoni globali u bidliet li qed jesperjenzaw pajjiżi kbar bħall-Istati Uniti.

Fakkar kif fi żmien ir-referendum tal-BREXIT, il-Gvern Malti pjana għar-riżultat minn qabel sabiex Malta tkun preparata għall-impatt u l-opportunitajiet ġodda li jġib miegħu t-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea.

Il-Prim Ministru spjega kif l-istabbiltá ekonomika dejjem baqgħet prijoritá. Saħaq kif BREXIT kien l-iktar eżempju mportanti ta’ kemm ċittadini Ewropej huma sovrani u kemm il-mexxejja għandhom ituhom l-attenzjoni neċċessarja u li l-Unjoni Ewropea qatt m’għandha tinsa ċ-ċittadini tagħha.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend