580 kelb salvat mit-triq fl-2016 – One News

Notifiki

580 kelb salvat mit-triq fl-2016

  • Ħafna minnhom issa sabu dar xierqa fejn jistgħu jagħtu mħabba kbira lura

Fl-2016 madwar 580 kelb salvaġġ inġabru mit-toroq Maltin u ttieħdu l-isptar San Franġisk għall-kura. Ħafna minn dawn instabu f’żoni urbani f’pajjiżna peress li hija fin-natura tal-kelb li ‘jemigra’ minn post għall-ieħor.

Dan it-tagħrif jirriżulta mill-istatistika li jżomm id-Direttorat ta’ Trattament Xieraq għall-Annimali li qal li jiġbor biss annimali feruti jew morda mit-triq u jħalli klieb li huma b’saħħithom. Dan ifisser li fit-toroq Maltin hawn mijiet oħra ta’ klieb deskritti bħala slavaġ.

Id-Direttur tal-Animal Welfare, Noel Montebello, spjega kif għalkemm m’hemmx numru eżatt dwar kemm hawn klieb strays f’pajjiżna, id-Direttorat dejjem jagħti l-għajnuna lill-klieb li jinstabu mweġġa’ jew morda fit-triq. Għalkemm kelb b’saħħtu li jinsab bla dar xorta huwa fil-periklu għaliex huwa epost għall-elementi u huwa f’riskju li pereżempju jittajjar minn karozza, jekk dan jinġabar mid-Direttorat ikun qed jieħu post kelb imweġġa’ li għandu bżonn il-kura, spjega Montebello.

“Il-maġġoranza tal-klieb li jkunu qed jiġru barra għandhom sid jew xi ħadd li jitmagħhom. Kelb abbandunat ikun jidher mbeżża’ u taħt stress għaliex filli kellu lil xi ħadd jieħu ħsiebu, u filli spiċċa waħdu meta ma jafx ifendi għal rasu,” spjega d-Direttur.

Dan kollu jagħmel xogħol il-voluntiera wieħed delikat, iżda huwa rari li kelb li jispiċċa abbandunat u l-voluntiera joffrulu l-ikel, il-kura, u l-imħabba umana jibqa’ mbeżża mill-bniedem.

“F’każi hekk lil dawn il-klieb nagħtuhom kemm jista’ jkun ċans biex jissoċċjalizzaw mal-umani biex intejbu t-temperament tagħhom.

Wara li l-klieb jingħataw il-kura u t-taħriġ li jkollhom bżonn, id-Direttorat jagħmel minn kollox biex jinstab sid xieraq li jkun iħobbhom u jilqagħhom fil-familja tiegħu. “Tiskanta x’kambjament pożittiv jagħmlu dawn l-annimali meta mbagħad isibu familja li tħobbhom u tieħu ħsiebhom. Issir taf kemm huma kapaċi jagħtu mħabba kbira lura,” qal Montebello.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend