Taħlita unika jew il-Maltin bħall-qaqoċċa Siċiljana?! – One News

Notifiki

Taħlita unika jew il-Maltin bħall-qaqoċċa Siċiljana?!

Bil-Presidenza tal-Unjoni Ewropea f’idejha Malta tidher li bdiet fuq nota ta’ effiċjenza u professjonalità. Prosit għal dil-gzejra f’nofs ta’ baħar, li qed turi kemm hi kapaci u ambizzjuża anki f’oqsma internazzjonali…u prosit għat-tmexxija li tidher qed tispira u taħdem ħarir. Jekk hemm xi ħaġa li tgħallimna mill-poteri imgħoddija li mexxew dal-gżejjer żgur li rawwimna l-ħiliet, l-istrateġiji u d-dixxiplina li tmur ma’ avvenimenti quddiem il-barranin li fihom irridu noħorġu ta’ ‘rġiel’ (anki jekk dil-frażi idjomatika Maltija b’xorti ħażina ma tinkludix in-nisa).

Sens Mediterranju organizzattiv

Bħala poplu tal-Mediterran il-Maltin ġejjin l-aktar minn razzez u ġnus ta’ pajjiżi li x-xtajtiet tagħhom jixxarbu minn dal-baħar ta’ ġewwa, kif isejjħu ħafna lill-Mediterran minħabba li hu magħluq – sa ċertu punt – minn Ġibiltà fuq naħa u l-Lvant Nofsani fuq l-oħra. Dawk li għammru dal-gżejjer – mill-Feniċi sal-Franċiżi ta’ Provence – tul ta’ eluf ta’ snin kienu minn dejjem nies li jinqalgħu biex javvanzaw, jiċċivilizzaw u jorganizzaw ruħhom bħala kommunità. Biżżejjed ngħidu li kemm il-Griegi kif ukoll ir-Rumani – l-aqwa żewġ ċiviltajiet tad-dinja klassika – huma Mediterranji biex ma nsemmux li huma wkoll imnissla minn ċiviltajiet oħra li fl-Asja u l-Afrika (bħall-Feniċi u l-Eġizzjani fost tant oħrajn) li xorta xxarbu mill-istess ilma li jdawwarna. Mat-taħlita Għarbija tal-Lvant – u allura mimlija passjoni u xi drabi filosofija kajmana – daħħalna tradizzjonijiet Griegi-Latini li tawna ħemel ta’ kultura kemm artistika, kulinarja kif ukoll ta’ temenza inferjuri mill-barrani (per eżempju m’aħniex kapaċi nassertjaw l-identità tagħna l-anqas fuq il-bandiera li tirrapreżentana). M’aħniex imkabbrin, borużi u l-anqas antipatiċi żżejjed għalkemm nistgħu nkunu drammatiċi jekk mhux ukoll traġiċi.

Cosche Siciliane

B’mod ġenerali nara tliet għejjun ewlenin ta’ influwenza fuqna. Nibda bl-Isqallin. Biżżejjed tħares lejn ġrajjietna biex issib li sas-seklu 19 kull ma seħħ Sqallija effettwana, aktar u aktar fi żmien il-Medjuevu. Sqallija llum parti mill-Italja bħalma kienet fi żmien ir-Rumani iżda għamlet żmien bħala saltna taqdef għal rasha (l-aktar ma’ Napli) meta kienet taħt l-Ispanjoli/Burboni.

Aħna kilna u xrobna mal-Isqallin; mhux biss imbejjed tajba li kienu jiġu mill-port qadim ta’ Vittoria iżda wkoll saħanistra l-ilma li Malta ftit li xejn qatt kellna. Meta ġiet l-Ordni ta’ San Ġwann fostna l-Kavallieri serrħu rashom ‘mill-ġnien kbir li hemm Sqallija’ biex fl-aħħar qatugħa li jibqgħu hawn wara l-Assedju. Fil-karattru l-Isqallin jagħtu l-impressjoni li jidhru mdejqin fis-sens ta’ niket, jitħalltu mill-anqas mal-barrani li spiss jibzgħu li se jaħdimhom (hawn il-Libjani jixbuhom ferm); u jafu jaħdmu bejniethom b’mod u manjiera li ftit tippenetra l-qaqoċċa li jafu joħolqu. Dil-kultura tal-qaqoċċa huma jsejjħulha cosche mis-singular cosca li tfisser pjanta magħluqa bħall-qaqoċċa. Fil-fatt ma kienetx titwieled il-Mafia li kieku ma kellhomx dat-tip ta’ karattru Mediterranju, taħlita ta’ kwalitajiet Saraċeni u Griegi li għal bosta sekli għammru flimkien fi Sqallija u li minnha fis-seklu 11 jidher li ġejna aħna tal-lum f’dal-gżejjer. Aħna għandna hafna minn dan u l-karattru għadu hemm f’bosta minna.

Kulħadd irid jikkukkanja fi klikek li ġieli nsejjħulhom imperi: issib dan fl-akkademja, fil-pulitka, fl-għoti ta’ ħatriet u impiegi kif ukoll fil-ġerarkija tal-knisja fejn allura kappell ma jmejjilx lill-ieħor u fejn il-fiduċja jgawdiha biss min jiġbed l-istess ħabel (hawn min jgħid jilgħaq) li tiddetta r-ras u ta’ madwarha. Ħasra li din l-imġieba spiss tħalli barra nies validi – spiss kwalifikati u mimlija esperjenza jekk mhux ukoll talenti – li jistgħu jagħtu kontribut superjuri lis-soċjetà.

Imma mbagħad tgħallimna wkoll xi ħwejjeġ oħra.

X’tgħallimna mill-Franċiżi

Fil-kważi tliet sekli li damu hawn il-Kavallieri (1530-1798) tgħallimna bosta snajja’. Ħadna ċerti valuri għalkemm mhux dejjem l-aqwa. Pereżempju tgħallimna nakkwistaw, nagħmlu l-flus, ninnavigaw, niddubbaw. Tgħallimna nieħdu kull opportunità u nfittxu li nisirqu sengħa li tiswilna għall-ħajja. Imqar kif tagħmel bolavostra sabiħa għal xi palazz u wara tieħu dik skartata lejn l-isqaq fejn kont toqgħod biex iddaħħalha fl-opramorta tal-bejt. L-Ordni kellha l-mezzi, il-flus u l-livelli għoljin ta’ kull sengħa artstika.Kienu jqabbdu l-aħjar periti, inġiniera, artisti u skulturi. Bagħtu lill-Maltin jitgħallmu u wara mpjegawhom magħhom biex iżommu l-istandards li laħqu. Taljani, Spanjoli u Franċiżi għallmuna l-aqwa li kienu jafu f’pajjiżhom l-aktar fejn tidħol is-sengħa tat-tbaħħir, tal-gwerra, tat-tmexxija. Il-maġġoranza tal-Kavallieri kienu jiġu minn tliet bereġ Franċiżi – Provence, Auvergne u Franza – u kienu jiffurmaw il-maġġoranza wkoll tal-kavallieri f’pajjiżna. L-akbar numru ta’ Gran Mastri (12) kienu wkoll Franċiżi u kienu dawk li bnew l-aqwa arkittetura, bini u kommunitajiet. Iffurmaw nazzjon, pajjiż. Biżżejjed insemmu fost dawn lil La Valette (li bena l-Belt), lil de Paule (Raħal Ġdid u l-Palazz ta’ San Anton), de la Sengle (l-Isla) u bini sabiħ bħal San Ġwann (La Cassière), l-Akwadott (Wignacourt li tana wkoll Qtugħ ir-Ras ta’ San Ġwann tal-Caravaggio). Il- Franċiżi daħħlu wkoll sistemi li bihom imxejna; minn Franza ġibna l-armi u l-munizzjon, il-vaxxelli, il-kċina inkluż il-ħobż abjad sal-lum magħruf tal-Franċiż, saħanistra s-sens ta’ baġit (bougette tfisser portmoni tal-muniti). Is-sekli 17- 18 kienu tajbin. Imma meta ġie Bonaparti fl-1798 sab lill-Ordni għajjiena, mimlija dejn u l-Maltin imxebbgħin. In-nies ta’ Bonaparti fetħulna għajnejna – qbilna u ma qbilniex tawna l-imbuttatura nifhmu x’iġifieri tiġġieled għal drittijietek għalkemm spiċċajna minn ġot-taġen għal ġon-nar.

X’tgħallimna mill-Inġliżi

Qatt qabel l-Inġliżi ma konna kolonja bla stima. Meta ġie Maitland fl-1813 barra li faqqgħet il-pesta bl-ikreh keċċa l-Maltin professjonisti u mhumiex kollha minn mal-gvern biex flokhom poġġa niesu bla kwalifika iżda mimlija arroganza. Il-Maltin li kienu kapaċi jmexxu sal-Qrati żmien l-Ordni u żmien il-Franċiżi, spiċċaw imwarrba, bla pensjoni, bla stima. Nies bħal Mitrovich appellaw lill-Parlament Inġliż fl-1835 biex forsi jċaqlaq xi ħaġa; biex fl-aħħar iċċaqlaq xi ħaġa lejn gvern responsabbli kellna nistennew sal-1921. Imma mal-Inġliżi drajna ras kiesħa, nissaportu ġlieda fit-tul, nargumentaw bid-dokumenti u fl-aħħar iddixxiplinajna ruħna waħda sew. Sirna aktar ċiniċi u bbilanċjajna l-passjoni u l-kalma tagħna ma’ effiċjenza preċiża bla wisq emozzjoni. Għal ftit insejna li konna bejn Sqallija u l-Libja taħt sema xemx; ħassejna ruħna Nordiċi miftuħin għall-marina fuq l-ibħra mal-erbat irjieħ tad-dinja. Magħhom skoprejna artijiet ‘il bogħod minn xtutna u għarafna kemm konna kapaċi, ukoll jekk qatt ma ħallewna nilħqu xejn imkien. Iġġielidna għal drittijietna u għalkemm ittimbrawna għal għomorna bħala inferjuri (għadna naħsbu li huma superjuri) għarafna naqtgħu figura f’kompetizzjonijiet ta’ mġieba internazzjonali.

Taħlita Unika

Dit-taħlita unika għamlitna li aħna. Jonqosna. Irridu noħorġu minn dil-fosdqa ta’ sottomissjoni fejn il-Belt imdawwrin b’monumenti u armi kolonjali fl-aqwa postijiet li qed jokkupaw l-ispazju pubbliku Malti (bħar-Reġina Vitorja li qatt ma ġiet Malta).  Imma t-taħlita oriġinali qed terġa’ titfaċċa. Qed nistenbħu li aħna nies tal-Mediterran; l-Isqallin waslu mill-ġdid bil-kafejiet u l-kċina tagħhom; il-Franċiżi qed ituna negozju kbir; l-Isvediżi qed jaħdmu fostna; l-Għarab qed jonfqu flushom hawn. Malta qed timmira għal sens ta’ hajja kosmopolitana. Fil-ġejjieni qrib għad nidħku bina nfusna kemm domna ma qomna mir-raqda tal-kolonjaliżmu. Illum l-Inġliżi tammirahom li tajjeb jew ħażin iddeċidew li jagħżlu triq oħra barra dik Ewropea għax iħossu li jaqblilhom; aħna anqas biss kapaċi nanalizzaw lilna nfusna biex ma nibqgħux nidhru qiesu għadna kolonja. L-imgħoddi jgħallmek, jekk trid tassew titgħallem. Kif jingħad tista’ tieħu żiemel qrib l-għadira biex jixrob iżda qatt ma tista’ ġġegħlu jixrob.

Jalla nixorbu u navvanzaw fit-treġija tal-Presidenza u jalla tiswielna biex nimmaturaw u naslu nifhmu li aħna għandna bżonn kulħadd iżda ħadd mhu aqwa minna meta niġu biex insarrfu l-identità tagħna f’dak li jagħmilna kburin.

Ritratt f’ras il-blog: Xogħol fuq Misraħ Repubblika bir-Reġina Vitorja fin-nofs jidher li se joħloq kenn isbaħ ghal min jixtieq jistrieħ u jieħu kafe’. Kemm ħsibna li dil-qalba tal-Belt tonora ġrajjet pajjiżna u mhux reġina kolonjali li qatt ma ġiet iżżurna? X’repubblika qegħda tonora?

Ritratt tal-ġimgħa: Malta onorata Brussel bil-logo tal-Presidenza mal-bini tal-Kummissjoni tal-Unjoni Ewropea.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend