IL-BOMBA KIENET FUQ ĠEWWA – One News

Notifiki

IL-BOMBA KIENET FUQ ĠEWWA

Bomba li tpoġġiet f’karozza ħalliet vittma fl-ewwel qtil għas-sena 2017.

Il-karozza tat-tip Opel splodiet f’Ħal Qormi quddiem l-kwartieri tal-Malta Post u l-vittma huwa Victor Calleja, raġel ta’ 65 sena mil-Ħamrun, magħruf bħala ċ-Chippy.

Kien għall-ħabta tat-8:10 tal-Ħadd filgħodu li l-bomba splodiet u ħasdet l-akwati. Il-vittma kien iċċertifikat mejjet fuq il-post u għalkemm il-pulizija ma damux ma kkonfermaw sid il-karozza ħadu ftit tal-ħin mhux ħażin qabel ikkonfermaw b’ċertezza l-identità tal-vittma. Dan minħabba l-ammont ta’ ġrieħi li sofra bil-bomba li tpoġġiet fuq ġewwa tal-karozza tħalli effett qawwi.

Il-vittma, li kien iċċertifikat mejjet fuq il-post, inħarreġ mill-karozza ftit tas-sigħat wara fejn ittieħed lejn il-kamra mortwarja tal-isptar Mater Dei.

Fuq il-post issejħu l-membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, membri tal-‘Explosive Ordnance Disposal’ tal-Forzi Armati ta’ Malta, u ambulanza biex jassistu. Għal xi ħin it-triq ingħalqet għat-traffiku.

Sfida għall-investigaturi kienet ix-xita li bdiet nieżla fejn il-pulizija kienet kostretta li tpoġġi tinda fuq il-karozza sabiex l-ebda traċċi ma jintilfu.

L-investigaturi riedu wkoll jistabilixxu li ma kienx hemm iktar splussiv. Din kienet waħda mir-raġunijiet għaliex il-ġurnalisti nżammu bogħod kemm jista’ jkun.

Intant bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa li ħatret diversi esperti biex jassistuha fl-inkjesta li ġiet appuntata, u l-investigazzjonijiet immexxija mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali u l-Pulizija tad-Distrett għadhom għaddejjin.

ONE News huwa nfurmat li l-isplużjoni nqabdet f’ filmati mill-kameras tas-sigurta’ li hemm mal-bini tal-Maltapost, li tinsab ftit passi l’ bogħod minn fejn ħadet il-bomba.

Dan ġie kkonfermat minn imkejjen qrib l-investigazzjoni li spjegaw kif filmat bħal dan jgħin sew  biex wieħed jistabilixxi d-dinamika ta’ x’ ġara.

L-investigaturi mistennija jqabblu dan il-filmat ma’ dawk ta’ splużjonijiet oħra li saru s-sena l-oħra.

Is-sena li għaddiet kien hemm tliet attentati fuq ħajjiet ta’ persuni minn bombi li tpoġġew ma’ jew ġewwa karozzi.

L-ewwel waħda, dik li ħalliet persuna mejta wkoll kienet seħħet fl-ewwel xahar tas-sena, proprju fis-sittax ta’ Jannar tal-elfejn u sittax. F’Settembru mbagħad saret bomba oħra li ħadet fil-Marsa u ħalliet persuna mweġġa’ gravi, biex fl-aħħar  t’Ottubru negozjant minn San Pawl il-Baħar tħalla tal-post wara bomba f’karozza San Pawl il-Baħar.

Aqra ukoll:

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend