“It-tnaqqis tal-qgħad huwa riżultat ta’ ħafna xogħol” – Evarist Bartolo – One News

“It-tnaqqis tal-qgħad huwa riżultat ta’ ħafna xogħol” – Evarist Bartolo

“L-aħbar li pajjiżna llum għandu l-inqas numru ta’ nies jirreġistraw fl-istorja tfisser li aktar familji għandhom id-dinjità biex jgħixu ħajja aħjar”, qal il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol wara li statistika uffiċjali ikkonfermat li l-qgħad waqa’ taħt it-3,000 ruħ.

Il-Ministru Bartolo spjega li dan is-suċċess storiku ma waqax mis-sema waħdu, iżda huwa frott ta’ ħafna xogħol minn gvern sħiħ biex tikber l-ekonomija u jikber l-investiment. Qal li pajjiż li jkun qed joħloq l-impjiegi mbagħad irid jgħin lin-nies biex jieħdu dawn l-impjiegi ġodda.

Il-Gvern ħa passi biex aktar nisa joħorġu jaħdmu billi tahom childcare b’xejn, biex nies fuq il-benefiċċji soċjali jidħlu fid-dinja tax-xogħol u ma jitilfux il-benefiċċji kollha f’salt, biex persuni b’diżabilità li lanqas biss kienu jirreġistraw u l-kumpaniji li jridu jimpjegawhom jingħataw l-għajnuna meħtieġa, biex iż-żgħażagħ li qabel ma kinux jaħdmu issa sabu xogħol bit-taħriġ tal-garanzija għaż-żgħażagħ li ħaddieħor ipprova jirredikolaha.

Il-Ministru Evarist Bartolo spjega li l-Gvern biddel ukoll il-mod kif taħdem il-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ, li issa saret Jobs+, biex b’kooperazzjoni ma’ dawk li jirreġistraw u ma’ dawk li jħaddmu, għamilha aktar faċli biex wieħed jirreġistra, ifittex ix-xogħol, u jkollu xogħol li jgħodd għalih.

“Dawn id-deċiżjonijiet kollha qed jagħtuna r-riżultati mixtieqa li jgħinuna nilħqu aktar nies biex jgħixu ħajja aħjar, u rridu nkomplu naħdmu fuqhom fix-xhur u s-snin li ġejjin”, temm jgħid il-Ministru Bartolo.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend