45 sentenza ta’ servizz fil-komunità – One News

Notifiki

45 sentenza ta’ servizz fil-komunità

Is-sena li għaddiet ingħataw 45 sentenza fejn fihom akkużat li nstab ħati b’reat intbagħat jagħmel xogħol fil-komunità minflok intalab li jiskonta sentenza fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Minn dawn is-sentenzi 41 ingħataw mill-Qorti f’Malta u erbgħa mill-Qorti f’Għawdex.

Jispikkaw sentenzi fejn din it-tip ta’ piena ngħatat wara li akkużat ikun ħareġ jew qed jipprova joħroġ minn xi vizzju jew inkella akkużat ma jkollux rekord kriminali u għalkemm irid iħallas ta’ għemilu jkun ta’ ħsara għalih jekk jispiċċa wara l-ħitan għolja ta’ Kordin.

Fost dawn il-każi riċenti li spikkaw kien hemm is-sentenza tal-Maġistrat Joe Mifsud fejn raġel li kkawża l-mewt f’inċident tat-traffiku, għalkemm il-ħtija ma kinetx esklussivament tiegħu, ingħata sentenza ta’ 480 siegħa xogħol fil-komunità minbarra multa. Dawn l-480 huma l-massimu li jista’ jingħata bil-liġi bħala xogħol fil-komunità.

Minn tagħrif li kisbet il-gazzetta KullĦadd jirriżulta li huma diversi  l-għaqdiet u istituzzjonijiet li jgawdu minn dan ix-xogħol fejn għalkemm ikun hemm sentenza tal-Qorti, id-Dipartiment tal-Probation u l-Parole xorta waħda jgħaddi minn process rigoruż ħafna.

Fil-fatt, ħafna drabi l-Qorti tkun diġà talbet rapport dwar il-persuna li tkun se tingħata din is-sentenza u fejn il-Qorti taħseb li għandha biżżejjed tagħrif biex tiddeċiedi mingħajr ma’ tagħmel dan id-Dipartiment xorta waħda jagħmel l-istħarriġ tiegħu. Il-prijorità dejjem tkun li l-persuna li se tkun se tagħmel ix-xogħol fil-komunità tkun f’pożizzjoni li tagħmel dan b’mod tajjeb.

Partikolarment ma tridx tkun taħt l-effett tal-vizzji u fi stat mentali tajjeb. Ladarba jkun hemm is-sigħat disponibbli jsir il-kuntatt mal-għaqdiet, xi min daqqiet reliġjużi, jew mhux governattivi u saħansitra Kunsilli Lokali. Dan biex wieħed jara x’hemm bżonn u x’kapaċi jagħmel dak li jrid jiskonta s-sentenza. Wara laqgħat bejn iż-żewġ partijiet jibda x-xogħol taħt sorveljanza b’laqgħat kull 20 siegħa ta’ xogħol fil-komunità.

Bl-għan aħħari jkun li s-sentenza tkun serviet biex gawdiet is-soċejtà u l-persuna fehmet aħjar kemm hu isbaħ tagħmel il-ġid milli xxellef difrejk mal-liġi.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend